Żagħżugħ ta’ 25 sena li joqgħod il-Belt Valletta weġġa’ gravi wara li kien involut f’argument ma’ raġel ieħor.
Dalgħodu għall-ħabta tas-sagħtejn u kwart, il-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza fi Triq id-Dejqa, il-Belt Valletta.
Il-Pulizija marret mill-ewwel fuq il-post fejn sabet liż-żagħżugħ b’xi ġrieħi. Huwa ttieħed fl-eqreb ċentru tas-saħħa għall-kura, fejn aktar tard ġie ċċertifikat bi ġrieħi gravi.
Minn investigazzjonijiet li saru rriżulta li aktar kmieni, kien qam argument bejn il-vittma u raġel ieħor li l-identità tiegħu għadha mhix magħrufa minħabba li kien telaq minn fuq il-post.
Allegatament, waqt dan l-argument, intużat tazza tal-ħġieġ.
Il-Pulizija għaddejja bl-investigazzjonijiet.