Żagħżugħ ta’ 23 sena ġie arresrat wara li weġġa’ żewġ pulizija tar-Rapid Intervention Unit.
Il-każ seħħ il-lejl li għadda għall-ħabta tas-siegħa ta’ filgħodu fi Triq il-Konvoj ta’ Santa Marija, fl-Imqabba., meta ż-żagħżugħ twaqqaf mill-Pulizija minħabba li kien qed isuq b’veloċità eċċessiva.
Waqt ronda il-Pulizija nnutaw vettura tal-għamla Opel Astra tinstaq b’manjiera perikoluża u bdew isegwu l-karozza, iżda s-sewwieq injora s-sirena u żied fil-veloċità.
Il-pulizija rnexxielhom iwaqfu l-vettura fi Triq il-Belt Valletta, fl-Imqabba u ordnaw lix-xufier biex joħroġ immedjatament minnha. Iżda huwa pprova jaħrab billi saq għal fuq il-Pulizija.
Il-Pulizija tal-RIU rnexxielhom iżommu lix-xufier u ħarġuh mill-karozza, madankollu baqa’ jkun aggressiv fil-konfront tagħhom u ma bediex jikkopera, bil-ġuvni jallega wkoll li kien bela xi sustanzi illegali.
Għaldaqstant issejħet ambulanza li ħaditu l-Isptar Mater Dei għal kura meħtieġa.
Iż-żewġ Pulizija tar-Rapid Intervention Unit ingħataw kura fiċ-Ċentru tas-saħħa tal-Furjana fejn aktar tard ġew iċċertifikati li sofrew ġrieħi ħfief.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija tad-Distrett dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.