Żagħżugħ ta’ 22 sena li jgħix San Ġiljan kien arrestat mill-pulizija waqt ronda li kienu qed jagħmlu l-Pulzija tad-Distrett. Iż-żagħżugħ instab fil-pussess ta’ sustanza llegali, allegatament droga.
Huwa nqabad waqt li l-Pulizija kienu qed jagħmlu ronda f’San Ġwann il-Ħamis, meta nnutaw vettura tinstaq kontra l-‘one way fi Triq il-Kappella. Huma bdew issegwu din il-vettura u twaqqfet ftit wara fi Vjal ir-Riħan. Is-sewwieq instab li kien qed isuq mingħajr liċenzja tas-sewqan u jaġixxi b’mod suspettuż.
Waqt it-tfittxija li saret fil-karozza nstabet sustanza, x’aktarx droga. Meta imbagħad saret tfittxija fid-dar taż-żagħżugħ instab basket u borża b’ammont sostanzjali ta’ sustanza, allegatament droga, kif ukoll miżien u oġġetti oħra relatati mat-traffikar tad-droga.
Iż-żagħżugħ Ġiljaniż ttieħed fl-Għassa ta’ San Ġiljan, fejn hemm beda jhedded lill-uffiċjali tal-Pulizija. Huwa nżamm arrestat u mistenni jitressaq il-Qorti aktar tard illum.
L-investigazzjonijiet tal-pulizija għadhom għaddejjin.