Żagħżugħ ta’ 18-il sena minn Bormla ġie arrestat wara li nqabad bid-droga u pprova jaħrab mill-Pulizija.
Il-każ seħħ is-Sibt għall-ħabta tal-4 ta’ wara nofsinhar waqt ronda li l-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit kienu qed jagħmlu fi Triq Alessandra, f’Bormla, meta ll-Pulizija nnutaw persuna taġixxi b’mod suspettuż. Malli avviċinawh il-pulżija, huwa ħarab lejn Triq San Mark, bil-Pulizija kostretti jinżlu mill-vettura minħabba li t-toroq mhumiex aċċessibbli għall-vetturi u bdew jiġru warajh.
Il-Pulizija tar-RIU, assistiti minn Pulizija tad-Distrett segwew lis-suspettat sakemm dan waqaf quddiem residenza fi Triq Santa Liena u beda jħabbat fuq bieb. Iż-żagħżugħ ġie arrestat minnufih, hekk kif ħadd ma fetaħlu.
Meta saret tfittxija fuq iż-żagħżugħ instab li kien qed iġorr diversi pakketti b’ sustanza llegali, allegatament droga, kif ukoll mus u ponn tal-ħadid. Iż-żagħżugħ ittieħed l-Għassa ta’ Bormla u wara ġie eskortat lejn il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija għall-iktar stħarriġ.
Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Caroline Farrugia Frendo qed tmexxi Inkjesta Maġisterjali dwar dan il-każ.
Intant, minħabba suspett li ż-żagħżugħ seta’ kien jaf min joqgħod fid-dar li ħabbat fuqha fi Triq Santa Liena, saret tfittxija mill-Pulizija fil-post fejn instabu tliet pakketti żgħar b’sustanza llegali, allegatament droga. Żewġ persuni li kienu fir-residenza, ġuvni ta’ 20 sena mill-Isla u mara ta’ 27 sena minn Bormla qed jiġu mitkellma mill-Pulizija u qed jgħinu fl-istħarriġ.
L-investigazzjonijiet qed jitmexxew mill-Pulizija tad-Distrett ta’ Bormla.