Żagħżugħ ta’ wieħed u għoxrin sena minn Ħal Tarxien ġie arrestat f’inqas minn erbgħa u għoxrin siegħa b’rabta ma’ serqa, wara ħidma konġunta bejn il-Pulizija tad-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali u tad-Distrett ta’ Raħal Ġdid.
L-allegat każ seħħ matul il-lejl ta’ bejn is-Sibt u l-Ħadd f’maħżen fi Triq il-Merħba fil-Fgura, meta xi ħadd li sa dak il-ħin kien għadu mhux magħruf, sgassa l-bieb tal-maħżen u minn ġo fih insterqu ammont ta’ armi tal-airsoft, munizzjon tal-istess armi u affarijiet oħra relatati li jiswew eluf ta’ ewro.
Minn aktar investigazzjonijiet li saru, il-Pulizija identifikat l-allegat ħalliel u ż-żagħżugħ ġie arrestat ilbieraħ filgħodu mir-residenza tiegħu. Fid-dar instabu l-oġġetti misruqa.
Dwar il-każ inħatret inkjesta Maġisterjali u ż-żagħżugħ mistenni jitressaq il-Qorti llum għall-ħabta tal-ħdax u nofs ta’ filgħodu quddiem il-Maġistrat Charmaine Galea.