Żagħżugħ ta’ 21 sena ġie arrestat mill-Pulizija ftit sigħat wara li allegatament wettaq serqa minn ħanut f’Tas-Sliema.
Mill-investigazzjonijiet li saru rriżulta wkoll li l-istess persuna, allegatament wettaq tliet serqiet oħra matul l-istess ġurnata, waħda fil-Belt Valletta u tnejn oħra f’Tas-Sliema.
Fi stqarrija mill-Pulizija ntqal li lbieraħ għall-ħabta tad-9pm, raġel f’ħanut fi Triq Sir Adrian Dingli, f’Tas-Sliema, armat b’sikkina u talab il-flus lill-kaxxier, raġel ta’ 37 sena minn San Pawl il-Baħar. Il-ħalliel ħarab mill-ħanut b’ammont ta’ flus kontanti u xi oġġetti oħra li seraq mill-ħanut.
Immedjatament bdew l-investigazzjonijiet u tfittxijiet għall-persuna li wettqet din is-serqa filwaqt li ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Lara Lanfranco li ħatret inkjesta dwar il-każ.
Mill-investigazzjonijiet li saru rriżulta li r-raġel li wettaq is-serqa f’Tas-Sliema huwa l-istess wieħed li aktar kmieni fl-istess ġurnata, għall-ħabta tas-sagħtejn ta’ filgħodu, daħal f’lukanda fi Triq l-Ifran, il-Belt Valletta fejn allegatament seraq ammont ta’ flus kontanti.
Wara, għal-ħabta tal-erbgħa ta’ filgħodu wettaq serqa minn hostel li jinsab fi Triq Sir George Borg, Tas-Sliema fejn seraq xi flus kontanti minn kaxxa li kienet wara l-bank tar-reception u ftit ħin biss wara seraq kartiera u mobile minn vettura fi Triq it-Torri, Tas-Sliema.
Wara numru ta’ tfittxijiet f’postijiet fejn jiffrekwenta r-raġel, il-Pulizija rnexxiela ssibu dalgħodu fil-Belt Valletta u ġie arrestat. Waqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin u mistenni jitressaq il-Qorti fil-ġranet li ġejjin.