Żagħżugħ ta’ 28 sena ġie arrestat mill-Pulizija f’San Ġiljan, b’rabta ma’ allegat traffikar ta’ droga kokaina u kannabis.
Fi stqarrija mill-Pulizija ntqal li għall-ħabta tad-disgħa u nofs ta’ filgħaxija, waqt li l-Pulizija kienu fuq ronda fi Triq San Ġorġ, innotaw raġel jaġixxi b’mod suspettuż, ifittex qalb xi ħaxix li hemm biswit żona ta’ parkeġġ.
Wara li rawh jiġbor xi oġġetti u jagħmilhom taħt il-flokk, l-uffiċjali resqu viċin tiegħu, bir-raġel jinħasad bil-preżenza tagħhom u beda jġib ruħu b’mod li qajjem aktar suspetti.
Minnufih saret tfittxija fuq ir-raġel, fejn f’borża sewda nstabu 38 pakkett bi droga suspettata kokaina, f’ċirkostanzi li kienet lesta biex tinbiegħ.
Saret ukoll tfittxija fil-ħaxix fejn ir-raġel deher jiġbor xi affarijiet, bil-Pulizija televa numru żgħir ta’ pakketti bi droga suspettata kannabis.
Iktar tard saret tfittxija fir-residenza tar-raġel u hemmhekk instab ammont ta’ flus kontanti u oġġetti oħra relatati mal-bejgħ tad-droga.
Huwa qed jinżamm arrestat fil-lock-up tal-Pulizija l-Furjana u mistenni jitressaq il-Qorti fil-ġranet li ġejjin.