Żagħżugħ ta’ 23 sena ġie arrestat fil-Belt Valletta b’rabta ma’ allegat traffikar ta’ droga kannabis.
Nhar il-Ħamis li għadda, għall-ħabta tal-erbgħa ta’ waranofsinhar, waqt li l-Pulizija kienu fuq ronda fi Triq Melita, innutaw vettura li kienet qed tinstaq kontra d-direzzjoni tat-traffiku u għalhekk twaqqfet sabiex tinħareġ kontravenzjoni.
Kien f’dak il-mument li x-xufier qajjem suspett li seta’ kellu xi ħaġa llegali.
Minn tfittxija li saret, irriżulta li r-raġel kien fil-pussess ta’ madwar 90 gramma sustanza suspettata droga kannabis, kif ukoll ammont ta’ flus kontanti.
Ir-raġel ġie arrestat u ttieħed l-Għassa tal-Pulizija fejn tkomplew l-investigazzjonijiet.
Il-Maġistrat Philip Galea Farrugia ġie infurmat bil-każ u ħatar inkjesta. Huwa qiegħed jinżamm arrestat fil-lock-up tal-Pulizija l-Furjana u tressaq il-Qorti dalgħodu.