Fil-Qorti, żagħżugħ ġie akkużat li attakka u weġġa’ lit-tfajla tiegħu ta’ sbatax-il sena, li hija tqila, f’argument li huwa maħsub li nqala’ fuq flokk.
L-Ispettur Eman Hayman ressaq lil Kurt Muscat, ta’ tnejn u għoxrin sena minn San Ġiljan, quddiem il-Maġistrat Astrid May Grima, fejn ġie akkużat li hedded, weġġa’ u kkawża uġigħ fiżiku lit-tfajla tiegħu.
Il-każ seħħ fl-erbatax ta’ Ġunju.
Iż-żagħżugħ ġie arrestat wara li l-Pulizija rċeviet rapport li l-akkużat dawwar idejh m’għonq it-tfajla.
L-avukat tiegħu, Franco Debono qal li Muscat ġie arrestat wara li minn jeddu, mar fl-għassa tal-Pulizija dwar każ ieħor.
Fl-arrest, insista li l-marki m’għonq it-tfajla għamlithom hi stess.
Il-vittma qalet li l-għarus tagħha mar jaraha l-isptar biex ikompli l-argument.
L-akkużat spjega mal-investigaturi li t-tfajla għamlet il-marki fuq għonqha hi stess bil-wajer ta’ ċarġer tal-mobile.
L-avukat difensur talab għall-ħelsien mill-arrest, anki fid-dawl li ż-żagħżugħ ma jgħixx mal-allegata vittma.
L-Ispettur Hayman qal li hemm verżjonijiet kunflinġenti dwar il-każ imma l-Pulizija waslet għal konklużjoni li l-verżjoni tal-vittma tagħmel iktar sens, speċjalment għax l-argument kompla f’post ieħor.
It-talba għall-ħelsien mill-arrest intlaqgħet fuq depożitu t’elf ewro u garanzija personali ta’ għaxart elef ewro. Il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tat-tfajla.