Iż-żgħażagħ tal-għaqda Żejtun Organisation to Empower You (ŻOEY) għal darb’ oħra ilbieraħ organizzaw Trick or Treat b’differenza madwar it-toroq Żejtun.
Għalkemm nisimgħu dwar in-negattivita’ taż-żgħażagħ waqt it-Trick or Treat, dawn iż-żgħażagħ minflok ħasbu għalihom infushom u ġabru l-ħelu, ġabru bottijiet tal-preserve u ikel ieħor ippriservat b’risq it-tfal ta’ Sliema Crèche u l-FoodBank, żewġ entitajiet li għandhom diversi bżonnijiet.
F’inqas minn erba’ sigħat, dawn iż-żgħażagħ ġabru ammont rekord ta’ ikel li jaqbeż is-786 kilogramma. Dan l-ammont mill-isbaħ ilaħħaq l-ammont li nġabar is-sena li għaddiet, li s-sena li għaddiet kienet organizzata fuq jumejn. Dawn inġabru biss minn xi wħud miz-zoni fiż-Żejtun li huma Ġebel San Martin u l-Estate Ta’ San Girgor.
L-għaqda ŻOEY irringrazzjat mill-qalb lir-residenti Żwieten tal-ġenerożità kbira tagħhom u li għal darb’ oħra urew il-koperazzjoni kbira tagħhom. Iż-żgħażagħ tal-għaqda fis-skiet tagħhom ħarġu l-aspett pożittiv minn din il-festa u għandhom sodisfażzjoni kbir b’dak li għamlu l-aqwa li se jgawdu minn din il-ġabra dawk li jinsabu fil-bżonn.
Bis-saħħa ta’ din il-ġabra mill-isbaħ se jkunu qed jibbenefikaw numru sabiħ ta’ tfal li sfortutament ma jkunux jistgħu jgħixu mal-familji naturali tagħhom minħabba problemi u diffikultajiet.