Kompla tmiem il-ġimgħa ta’ futbol mimli sorpriżi hekk kif kif wara r-rebħiet ta’ Mosta fuq Marsaxlokk u dik ta’ Naxxar L. fuq Birkirkara, kien imiss lil Zabbar SP li jumiljaw lil Hibernians meta għelbuhom bl-iskor kbir ta’ 4-0.
Detrimentali għal Hibernians kien il-fatt li lagħbu t-tieni taqsima sħiħa bi player inqas wara t-tkeċċija ta’ Pedro Henrique Nunes Silva fl-aħħar mumenti tal-ewwel taqsima.
Ta’ nota huwa l-fatt li qabel il-partita ġiet osservata minuta silenzju ad unur il-mibki iżda qatt minsi eks player leġġendarju ta’ Hibernians, Louis Theobald, fejn lagħab magħhom bejn l-1955 u l-1968, u li ħalla din id-dinja fl-etá ta’ 86 sena, proprju s-Sibt filgħodu.
Kienu Hibernians li ħolqu l-ewwel periklu fl-10 minuta meta xutt ta’ Lucas Lapert Villela ġie salvat minn fuq il-linja minn difensur ta’ Zabbar, biex salva goal ċert.
Iżda kienu Zabbar li fetħu l-iskor disa’ minuti wara, meta wara li rċieva minn cross minn freekick, id-difiża ta’ Hibernians naqset milli tikklerja l-ballun, u wara taħwida fil-kaxxa, KRISTIAN KEQI kien pront u mill-viċin tefa’ ġewwa.
Huma komplew fuq l-offensiva u fit-32 minuta xutt mid-distanza ta’ Marcelo Barros Santos ġie devjat f’corner minn Kurt Shaw.
Madankollu, kienu Hibernians li resqu ferm viċin li jġibu l-iskor indaqs żewġ minuti biss wara meta minn azzjoni ta’ corner moghti minn Jurgen Degabriele, Dexter Xuereb kellu d-daqqa ta’ ras tiegħu mill-viċin salvata bi bravura mill-goalkeeper żagħżugħ ta’ Zabbar, Luca Camilleri mgħejjun mill-wieqfa.
Dan sabiex mill-azzjoni li segwiet sekondi biss wara, wara li rċieva minn cross mil-lemin, Rui Bruno Ribeiro, kellu daqqa ta’ ras oħra salvata għal darb’oħra minn Camilleri.
Huma komplew jiddettaw il-logħob u fit-42 minuta xutt minn barra l-kaxxa ta’ Pedro Henrique Nunes Silva ġie salvat tajjeb minn Camilleri.
Zabbar wieġbu fil-45 minuta permezz ta’ xutt minn tarf il-kaxxa li ġie newrtralizzat mill-goalkeeper tal-Pawlisti, Hugo Sacco.
U biex l-affarijiet ikomplu ġejjin ħażin għat-tim minn Raħal Ġdid, sekondi biss wara huma spiċċaw jilagħbu b’10 players meta tkeċċa għalihom permezz ta’ karta ħamra diretta il-player Pedro Henrique Nunes Silva wara foul ta’ ritaljazzjoni fuq l-awtur tal-ewwel goal Zabbari, Keqi.
Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, Zabbar, komplew fejn ħallew fi tmiem l-ewwel waħda u fit-53 minuta xutt sabiħ ta’ Keqi għadda barra. Minuta biss wara Marcelo Barros Santos dejjem għal Zabbar minn pożizzjoni ideali kellu xutt minn pożizzjoni ideali jaħbat max-xibka minn barra biex b’hekk ta l-illużjoni tal-goal.
Azzjoni wara l-oħra, fis-57 minuta Zabbar irduppjaw l-iskor meta s-sostitut DAVID OLIVEIRA SOUZA li kien ilu biss ftit sekondi fil-ground, kien fil-post it-tajjeb fil-mument opportun u b’xamma kbira għall-goal tefa’ ġewwa fost id-delirju ta’ ferħ tal-partitarji numerużi Żabbarin.
U jidher li huma ma kinux kuntenti biżżejjed b’dan l-iskor hekk kif fit-68 minuta għamluhom tlieta permezz ta’ xutt dijagonali fil-baxx ta’ BRIAN ARIEL GAMBARTE li ma ta l-ebda ċans lil Sacco, bil-ballun jintemm fir-rokna tax-xibka.
Zabbar ħadu r-riedni tal-logħba għal kollox f’idejhom, b’Hibernians jikkrollaw għal kollox u fit-78 minuta kienu għoddhom għamluhom erbgħa meta l-plejer tal-;ogħba Keqi kellu x-xutt tiegħu salvat parzjalment minn Sacco, biex mir-rebound Stefan Ilic kien sfortunat meta ra t-tentattiv tiegħu mill-viċin jistampa mal-wieqfa, b’Hibernians jeħilsuha ħafif.
Iżda r-raba’ goal għalihom li permezz tiegħu ssiġillaw ir-rebħa kellu jasal fis-87 minuta permezz ta’ tap-in mill-viiċn ta’ DAVID OLIVEIRA SOUZA biex b’hekk irreġistra doppjetta personali.
Zabbar komplew jamministraw il-vantaġġ komdu li kellhom sa tmiem il-partita.
Referee: Alex Johnson
Plejer tal-Logħba: Kristian Keqi (Zabbar SP)