Draw kien biżżejjed għal Zabbar SP biex jassiguraw li staġun ieħor jilagħbu mal-elite tal-football lokali fil-Malta Premier, iżda huma għamlu ferm iktar minn hekk meta kkonvinċew bis-sħiħ u għelbu lil Melita bl-iskor ta’ 2-0, fejn madankollu li kieku sfruttaw l-okkażjonijiet denji ta’ nota kollha li ħolqu tul id-90 minuta, l-iskor seta’ saħansitra kien ikbar favurihom.
Zabbar SP kellhom lill-kowċ Taljan Aniello Parisi, il-goalkeper veteran Justin Haber u Jurgen Pisani sospiżi, filwaqt li għal Melita kien sospiż il-goalkeeper Pollakk Aleksander Andrezj Lubik, biex iddefenda l-lasti, il-goalkeeper żagħżugħ, Gosef Mizzi.
Kien fl-14-il minuta li waslet l-ewwel azzjoni denja ta’ nota fil-partita b’Zabbar ikunu huma li joħolqu l-periklu meta Diogo Joao Tavares kellu x-xutt tiegħu minn pożizzjoni ideali jintemm għoli.
Huma komplew jiddettaw il-logħob u fil-31 minuta Stefan Ilic avvanza tajjeb fil-kaxxa, għadda lejn Marcelo Barros Santos, li kellu x-xutt tiegħu salvat tajjeb mill-goalkeeper ta’ Melita, Gosef Mizzi.
Tliet minuti biss wara xutt sabiħ mid-distanza ta’ Vinicius De Paiva dejjem għaż-Żabbarin intemm barra.
Melita wieġbu għall-ewwel darba fit-38 minuta meta freekick insidjuż ta’ Matthew Debattista ġie salvat tajjeb mill-goalkeeper ta’ Zabbar, Luca Camilleri, biex mir-rebound Marac Van De Font Bovenkamp kelku x-xutt tieghu devjat f’corner minn difensur ta’ Zabbar.
Iżda kienu Zabbar li fetħu l-iskor proprju fil-45 minuta eżattament qabel tmiem l-ewwel taqsima meta Diogo Joao Tavares għadda tajjeb lejn MARCELO BARROS SANTOS li minn qagħda tajba għeleb għal kollox lil Mizzi.
Kien biss fit-72 minuta li waslet l-azzjoni sussegwenti b’Zabbar jirduppajw l-iskor meta DIOGO JOAO TAVARES rebaħ il-ballun mingħand Marc van De Font Bovenkamp u permezz ta’ xutt b’saħħtu minn pożizzjoni ideali ma ħafirx.
Huma komplew fuq l-offensiva u fis-77 minuta tilfuċ cans tad-deheb li jagħmluhom tlieta meta Brian Ariel Gambarte għadda tajjeb lejn Diogo Joso Tavares li mill-viċin ra lil Mizzi idawwar tajjeb f’corner.
Zabbar SP komplew jamministraw il-vantaġġ doppju li kellhom sa tmiem il-partita.
Referee: Matthew De Gabriele
Plejer tal-Logħba: Marcelo Barros Santos (Zabbar SP)