Zabbar St Patrick kisbu rebħa drammatika imma ferm importanti b’goal fid-90 minuta kontra Melita biex komplew jittamaw li jżommu posthom fil-Kampjonat Premier.
Il-logħba sa minn kmieni dehret li se tkun waħda ferm bilanċjata. Melita ħolqu l-ewwel periklu fis-sitt minuta permezz ta’ freekick mill-bogħod ta’ Kurt Bondin li kien għoddu qarraq bil-goalkeeper Zabbari Matthew Grech li kklerja b’diffikulta’.
Fit-tmien minuti kienu St Patrick li resqu qrib permezz ta’ xutt ta’ Stefan Ilic li Aleksander Lubik salva tajjeb.
Zabbar ħolqu żewġ azzjonijiet oħra tajba matul l-ewwel taqsima. Fid-19-il minuta kien Brian Gambarte li ttestja lil Lubik iżda dan salva tajjeb, waqt li fit-28 minuta reġa’ kien Stefan Ilic li x-xutt tiegħu ġie salvat f’corner minn Lubik.
Melita ħarġu aktar aggressivi fit-tieni taqsima biex fil-51 minuta xutt ta’ Marcelino Motta minn qagħda ċentrali ġie mwaqqaf b’save stupend f’corner tal-gowler Grech.
Fil-55 minuta kien Diogo Joao li ttanta xortiħ għal Melita b’xutt minn tarf il-kaxxa li għadda ftit għoli.
Mal-ħin pero’ Zabbar żiedu fl-isforzi tagħhom u fit-63 minuta Christian Keqi falla ċans tad-deheb li jpoġġihom fil-vantaġġ meta qabad lid-difiża żbilanċjata iżda l-lob tiegħu għalkemm għeleb lill-gowler Lubik għadda ftit barra.
Fis-76 minuta minn corner mogħti minn Brian Gambarte, Zabbar kienu viċin li jiskurjaw iżda d-daqqa ta’ ras ta’ Oliveira Souza għaddiet tħakkek mal-lasta l-wieqfa.
Zabbar skurjaw il-goal deċiżiv fid-90 minuta permezz tas-sostitut Vinicius De Paiva li skorja b’xutt mill-qrib f’taħwida fil-kaxxa ż-żgħira tal-Melita.
Fil-ħin miżjud Melita kellhom lid-difensur Aldair Pena Simanca muri l-karta l-hamra għat-tieni karta safra.
Referee: Ishmael Barbara
Plejer tal-Logħba: Stefan Ilic (Zabbar St Patrick)