F’konferenza bl-isem ta’ ‘Youth in Housing’ li ġiet organizzata mill-Ministeru għall-Akkomodazzjoni Affordabbli u l-Kunsill Nazzjonali għaż-Żgħażagħ, ġew diskussi r-realtajiet taż-żgħażagħ marbuta mas-suq tal-proprjetà.
Il-konferenza serviet ukoll bħala spazju għaż-żgħażagħ sabiex isemmgħu leħinhom. Dak li ħareġ mid-diskussjoni mistenni jservi bħala bażi għal deċiżjonijiet f’dan il-qasam min-naħa tal-Gvern.
Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Keith Azzopardi Tanti, qal li x-xewqa ta’ kull żagħżugħ u żagħżugħa hija li jkunu aktar indipendenti, u għalhekk din il-konferenza se toħloq is-sisien għad-deċiżjonijiet li se jieħu l-Gvern f’dan il-qasam.
Qal, “Qed niddiskutu s-suġġett tant importanti għaż-żgħażagħ tagħna li huwa l-akkomodazzjoni, fejn proprju l-politika li se nkunu qed inwettqu għas-snin li ġejjin se tkun ibbażata fuq is-suġġerimenti u l-proposti taż-żgħażagħ tagħna.”
Intant, il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, Roderick Galdes spjega kif għal dawn l-aħħar xhur, il-Gvern kien qed jistudja s-sitwazzjoni tas-suq tad-djar sabiex l-isfidi tax-xerrejja jkunu jistgħu jiġu indirizzati.
Huwa stqarr li l-Gvern qiegħed jaħdem ukoll mal-banek lokali, bil-għan li s-suq tad-djar ikun aktar ġust, u nnota li konferenzi bħal dawn iservu wkoll biex il-pubbliku jkun jaf ir-realtajiet u l-futur ta’ min irid ikun is-sid ta’ daru.
Qal, “Kull inizjattiva li jagħmel il-Gvern, speċjalment f’qasam bħal dan, li huwa settur sensittiv li huwa l-akkomodazzjoni, ikun ibbażat fuq ir-riċerka u anke t-tagħrif. Aħna llum tajna t-tagħrif f’din il-konferenza, tajna wkoll l-informazzjoni li għandu l-Gvern biex finalment issa naslu għad-deċizjonijiet li jridu jittieħdu.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar, Leonid McKay, fakkar ukoll li l-isfidi ta’ dawk li jridu jsiru s-sidien ta’ darhom għall-ewwel darba, diġà bdew jiġu indirizzati.
Qal, “Qed nisimgħu x’inhuma dak li jixtiequ ż-żgħażagħ, però huwa ta’ sodisfazzjon għalija, f’isem l-Awtorità tad-Djar, li mhux biss qed nisimgħu imma diġà bdejna nwieġbu għall-bżonnijiet taż-żgħażagħ f’Malta, fosthom skemi differenti, mhux biss fil-qasam tal-proprjetà, iżda wkoll fis-suq tal-kera.”