Yorgen Fenech mistenni jittieħed id-Depot dalwaqt biex jiġi interrogat ikomplu l-investigazzjonijiet marbuta m’allegat xiri ta’ armi fosthom machine guns, bombi tal-idejn u 800 balla.
Is-suspettat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia mistenni jitressaq il-Qorti fis-sigħat li ġejjin b’rabta ma’ dan l-allegat xiri t’armi, liema xiri qed jiġi akkużat li għamlu minn fuq id-dark web.
Biex taċċessaha d-dark web irid ikollok software apposta.
Il-ġimgħa l-oħra, id-Deputat Avukat Ġenerali Philip Galea Farrugia xehed li Fenech xtara dawn l-armi kollha sena wara l-mewt ta’ Caruana Galizia.
Qal li Fenech ħallas għal dawn l-armi bil-Bitcoin.
Intqal li mal-pistoli xtara silencers u anki ssemmiet email li turi li Fenech kien assigurat li l-għoxrin gramma ta’ kimika tossika li ordna kienet telqet minn fein ordnaha biex tasal għand ix-xerrej.
Id-Difiża ta’ Fenech kienet oġġezzjonat għall-preżentazzjoni tal-lista tal-allegat xiri tal-armi msemmija billi argumentat li l-Prosekuzzjoni qed tonqos tipprova li fil-fatt Yorgen Fenech xtara dawn l-oġġetti.