Fis-sigħat li ġejjin, is-suspettat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Yorgen Fenech mistenni jerġa’ jitressaq il-Qorti biex jaffaċċja aktar akkużi kriminali.
Din id-darba mistenni jitressaq b’rabta ma’ allegat reati finanzjarji wara li ġiet konkluża investigazzjoni finanzjarja mill-Korp.
Din hija t-tieni darba f’inqas minn ġimgħa li Fenech se jitressaq il-Qorti akkużat b’akkużi ġodda.
Il-Ħamis li għadda Yorgen Fenech tressaq il-Qorti fuq xiri illegali t’armi u munizzjon.
Allegatament Fenech kien xtara numru ta’ machines, 800 balla, bombi tal-idejn u kimika tossika minn fuq id-dark web.
Dan ix-xiri allegatament sar sena wara l-mewt ta’ Caruana Galizia.
Fil-jiem li għaddew, Yorgen Fenech tpoġġa wkoll taħt att t’akkuża, li jfisser li se jgħaddi ġuri mixli bl-involviment tiegħu fil-qtil ta’ Caruana Galizia.