Minn investigazzjonijiet li saru mill-FBI, allegatament Yorgen Fenech prova jixtri l-velenu għal raġel li jiżen tmenin kilogramma.
Ftit xhur qabel ġie arrestat, in-negozjant Yorgen Fenech allegatament prova jixtri minn fuq id-dark web – cyanide, kimika velenuża li tista’ toqtol lin-nies.
It-Times irrappurtat li minkejja li mhux ċar, mhux jiġi eskluż li fil-mira ta’ din il-kimika velenuża kien hemm Melvin Theuma, il-middleman fil-qtil ta’ Caruana Galizia, li ngħata l-proklama sabiex jixhed il-verità kollha b’rabta mal-każ ta’ qtil ta’ Caruana Galizia.
Nhar it-Tnejn, fil-kumpilazzjoni, l-Ispettur Kurt Zahra qal li l-pulizija qed tinvestiga dan it-tentattiv li allegatament sar minn Yorgen Fenech biex jimporta f’pajjiżna kimika velenuża.
Intant it-Tlieta, il-Maġistrat Rachel Montebello reġgħet ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest tan-negozjant Yorgen Fenech.
Fid-deċiżjoni tagħha, il-Maġistrat Montebello qalet li l-investigazzjonijiet tal-pulizija b’rabta mal-qtil ta’ Caruana Galizia għadhom għaddejjin.
Il-Maġistrat saħqet li ma jistax jiġi eskluż li jekk jingħata l-ħelsien mill-arrest, Fenech jipprova jaħrab mill-pajjiż.
Fl-istess jum ġie rappurtat li Melvin Theuma qed jirkupra wara li saritlu operazzjoni tal-qalb.
Fi tmiem il-ġimgħa huwa ddaħħal l-isptar Mater Dei wara li ħass uġigħ f’sidru.
Fl-isptar huwa qed jinżamm taħt sigurtà stretta u qed jitħalla jkellem biss lill-ħaddiema mediċi u lis-sieħba tiegħu.