Il-Qorti reġgħet ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest tan-negozjant Yorgen Fenech u ordnat sabiex jibqa’ jinżamm arrestat.
Fenech huwa s-suspettat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, u ilu minn Novembru tal-2019 arrestat fil-Faċilità Korettiva ta’ Kordin.
It-tlieta huwa reġa’ ressaq talba sabiex jingħata l-ħelsien mill-arrest, iżda l-Imħallef Aaron Bugeja tard filgħaxija ċaħad din it-talba.
L-avukati tiegħu qed jargumentaw li Yorgen Fenech huwa persuna vulnerabbli skont ċertifikat mediku għaldaqstant ħajtu tista’ tkun fil-periklu jekk il-Coronavirus tidħol fil-ħabs.
Allegaw li fil-ħabs qed jiġi trattat b’mod inuman, għax bħala mezz ta’ prekawzzjoni t-tmexxija tal-ħabs waqfet il-viżitaturi għall-priġunieri kollha biex il-virus ma jidħolx fil-ħabs. Bil-priġunieri jistgħu jkellmu lil qraba tagħhom permezz tat-telefown u b’mod virtwali.
Għaldaqstant f’digriet li ta l-Imħallef Bugeja ċaħad it-talba għall-ħelsien mill-arrest u qal lid-Direttur tal-ħabs sabiex jagħti aktar attenzjoni lil Yorgen Fenech.