In-negozjant Yorgen Fenech mistenni jerġa mitkellem mill-pulizija fis-sigħat illi ġejjin sabiex jerġa’ jiġi interrgot mill-investigatturi b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Matul il-jum tas-Sibt Fenech ingħata l-police bail minħabba l-kundizzjoni medika tiegħu.
Bi stqarrija tal-pulizija s-Sibt filgħaxija qalet li Fenech se jingħata l-police bail wara li dan għamel xi ħin l-isptar u fuq prattika normali tal-isptar, huwa mhux se jkun f’pożizzjoni li jkompli jiġi nterrogat għall-erbgħa u għoxrin siegħa li ġejjin.
Minkejja li qiegħed bil-police bail, huma qed jinzamm taħt sigurtà stretta tal-Pulizija.
Matul il-jum tas-Sibt il-pulizija kompliet għaddejja bl-interrogazzjonijiet ma’ Fenech, b’rabta mal-omiċidju ta’ Daphne Caruana Galizia.
Iżda waqt l-interrogazzjoni huwa ilmenta li qiegħed iħoss uġigħ u talab li jiġi invistat.
Fuq rakkomandazzjoni tat-tabib għal ħabta ta’ nofsinhar, huwa ttieħed l-Isptar Mater Dei taħt il-kustodja tal-pulizija.
Minkejja li Fenech ittieħed l-isptar, dan ma waqqafx lill-investigaturi milli jkomplu bl-investigazzjonijiet. Filfatt, l-investigaturi użaw il-ħin sabiex ikomplu l-interrogazzjoni tagħhom mas-suspettat middleman, raġel ta’ 41 sena u jkomplu jiġbru aktar evidenza.
Yorgen Fenech ġie arrestat l-Erbgħa filgħodu.
Jirriżulta l-pulizija kienet ilha żżomm għajnejha għal dawn l-aħħar jiem fuq Fenech.
Bl-Erbgħa filgħodu l-pulizija raw lil Fenech jitla fuq il-jott tiegħu u ġie arrestat ftit minuti wara meta ġie interċettat mill-Forzi Armati ta’ Malta fuq il-baħar viċin Pembroke meta allegatament prova joħroġ mill-pajjiż.