Kompliet il-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra Yorgen Fenech, fejn xehed Melvin Theuma, li stqarr kif Fenech, l-allegat mandant tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, ħallas eluf t’ewro għad-difiża legali tal-allegati eżekuturi tal-istess qtil.
Theuma stqarr ukoll kif Fenech ħallas ħamsa u ħamsin elf ewro għall-ħelsien mill-arrest tagħhom.
Apparti minn hekk Theuma qal li kien iħallas bejn elfejn u tlett elef ewro fil-ġimgħa lill-aħwa Degiorgio.
Fil-Qorti ntqal li Theuma kien jgħaddi l-fondi lill-allegati eżekuturi, u żamm il-provi ta’ dawn it-tranżazzjonijiet sabiex ikollu l-provi jekk Fenech xi darba jiddubita li Theuma verament qed jgħaddi l-flus.
Il-middleman fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia stqarr ukoll li ġieli kien iħallas għad-difiża legali tal-allegati eżekuturi minn butu sabiex ma jdejjaqx lil Fenech.