Fl-aħħar ħin Yorgen Fenech ħareġ mill-isptar u se jingħata police bail wara li matul il-jum iddaħħal l-isptar Mater Dei isofri minn xi uġigħ.
Fi stqarrija, il-pulizija kkonfermat dan u qalet li s-Sur Fenech ġie invistat medikament. Il-pulizija spjegat li minn rakkomandazzjonijiet tat-tabib Fenech ittieħed l-isptar taħt sigurtà stretta.
Illejla, il-pulizija ġiet infurmata mill-isptar li minħabba l-kundizzjoni medika tiegħu Yorgen Fenech mhux se jkun f’pożizzjoni li jiġi nterrogat għall-24 siegħa li ġejjin. Din hija prattika normali tal-isptar wara li pazjent jingħata tip ta’ kura partikolari.
Il-pulizija sostniet li huwa għalhekk li Fenech ingħata l-police bail skont il-liġi u se jkun taħt sigurtà stretta.
Fenech kien qed jinżamm taħt superviżjoni stretta wkoll meta għal xi ħin fl-isptar.
Qed ikun rappurtat ukoll li Yorgen Fenech qed jitlob il-maħfra Presidenzjali.
Yorgen Fenech kien arrestat nhar il-Erbgħa kmieni filgħodu wara li deher ħiereġ bil-jott minn Portomaso.
Huwa ġie interċettat mill-Forzi Armati ta’ Malta fuq il-baħar viċin Pembroke u minn hemm ttieħed lura fejn wara ttieħed lejn id-Depot għall-interrogazzjoni.
Fil-ħin ta’ qabel skadew l-ewwel tmienja u erbgħin siegħa, Fenech ingħata l-police bail taħt superviżjoni stretta tal-pulizija. Imbagħad il-Ġimgħa filgħodu, Yorgen Fenech reġa’ nġabar mill-pulizija għall-aktar interrogazzjonijiet.