Yorgen Fenech tpoġġa taħt kap t’akkuża li jfisser li se jkun qed jgħaddi ġuri fuq il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Dalgħodu l-Prosekuzzjoni ressqet akkużi speċifiċi kontra l-allegat mandant tal-qtil ta’ Caruana Galizia.
Il-Prosekuzzjoni qed titlob għal sentenza t’għomor il-ħabs fuq l-allegat involviment tiegħu fl-assassinju ta’ Caruana Galizia.
Il-Prosekuzzjoni qed titlob ukoll sentenza ta’ bejn għoxrin u tletin sena ħabs għall-akkużi li se tixlih bihom b’rabta m’assoċjazzjoni kriminali.
B’dan l-iżvilupp ukoll mistennija tingħalaq il-kumpilazzjoni ta’ evidenza kontra Fenech iżda skont il-liġi l-kumpilazzjoni tista’ terġa’ tiftaħ jekk tiġi ppreżentata evidenza ġdida.
Illum il-Qorti mistennija tisma’ u jista’ jkun ukoll tiddeċiedi fuq talba oħra għal-libertà proviżorja ta’ Fenech.