In-negozjant Yorgen Fenech ċaħad l-allegazzjonijiet li għamel dwaru l-ex kanidat tal-partit nazzjonalsita David Thake fuq l-istazzjon nazzjonali TVM.
Thake allega li Yorgen Fenech offra xi flus lill-Partit Nazzjonalista biex David Casa ma jerġax jiġix elett fil-Parlament Ewropew. Allegazzjoni li ġiet miċħuda minn Fenech.
Fi stqarrija, is-Sur Fenech qal li ma jistax jibqa’ sieket quddiem din l-akkuża li għamel fil-konfront tiegħu Thake.
Qal li Thake kellu l-ardir jakkużah b’allegazzjoni falza mingħajr ma ppreżenta l-iċken xrara ta’ evidenza li pprova jinfluwenza l-proċess elettorali u demokratiku.
Huwa għamilha ċara li din l-allegazzjoni hija gidba mill-bidu sal-aħħar u x’aktar frott l-immaġinazzjoni tas-Sur Thake. Sfida lil Thake biex jissostanzja dawn l-allegazzjonijiet jew jirtirahom.
Aktar importanti minn hekk żied jgħid li dan hu attentat diżonest li għandu l-għan aħħari li jtappan ir-reputazzjoni tiegħu.