Is-suspettat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Yorgen Fenech Ittella’ l-Qorti għal darb oħra b’akkużi ġodda ta’ ħasil ta’ flus b’rabta ma’ kumpanija tal-Gaming Maltija, Glimmer Limited.
Fenech wieġeb mhux ħati għal dawn l-akkużi friski li ġie affaċċjat bihom li fost oħrajn jinkludu li bejn April u Ottubru tal-elfejn u dsatax hu kkonverta jew trasferixxa proprjetà li ġejja minn attività kriminali.
In-negozjant ġie mixli wkoll b’kompliċità, misapproprijazzjoni, u frodi għad-detriment tal-kumpanija Glimmer.
Ma’ Fenech, tressqu l-Qorti Joseph Cachia ta’ sebgħa u sittin sena u Nicholas Cachia ta’ sitta u erbgħin sena mixlija b’ħasil ta’ flus. Tal-aħħar kien akkużat ukoll b’misapproprijazzjoni.
Fil-Qorti huma ċaħdu dawn l-akkużi.
L-ispettur Brian Paul Farrugia spjega li informazzjoni li ġiet elevata minn messaġġi bejn Fenech u l-akkużati l-oħra, ippuntat lejn ħasil ta’ flus.
Id-difiża f’isem Joseph Cachia u Nicholas Cachia talbu għall-ħelsien mill-arrest, liema talba ġiet miċħuda filwaqt li l-Qorti ħarġet ordni tal-iffriżar tal-assi fil-konfront tal-akkużati kollha.