In-negozjant Yorgen Fenech, is-suspettat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia beda strajk tal-ġuħ fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Sorsi qalulna li dan seħħ wara li Fenech ma riedx li fid-dormitorju li jgħix fih fil-ħabs, jorqdu miegħu rġiel ta’ karnaġjon skur.
Sorsi qaluna li f’dan id-dormitorju jgħixu sitt priġunieri u wieħed minnhom huwa Yorgen Fenech.
Kien il-Ħamis li Fenech ġie infurmat li fid-dormitorju miegħu se jibdew jgħixu żewġt irġiel barranin.
Dan seħħ wara li ġie mill-Qorti hekk kif kompliet tinstema’ l-kumpilazzjoni fil-każ mixli bih.
Fi stqarrija, l-aġenzija għas-servizzi korrettivi qalet li hemm tliet priġunieri Maltin li bdew strajk tal-ġuħ.
Ġie spjegat li r-raġuni speċifika li ngħatat minn dawn il-priġunieri lill-uffiċjali tal-ħabs kienet dik li ma ridux priġunieri ġodda, li nzertaw barranin, fl-istess diviżjoni tagħhom.
L-aġenzija qalet li l-istrajk beda l-Ħamis tard waranofsinhar u s-saħħa ta’ dawn il-priġunieri qed tkun segwita mit-tobba tal-faċilità.
Qalet li s-sistema ta’ privileġġi li għandhom il-priġunieri f’din id-diviżjoni huma l-istess li għandhom il-priġunieri kollha.
Ġie rimarkat li l-istess privileġġi jingħataw jew jittieħdu skont l-imġiba u l-azzjonijiet tal-priġunieri fl-interess tad-dixxiplina fil-ħabs.
Intant fi stqarrija, il-familja ta’ Yorgen Fenech ikkonfermat li Fenech qiegħed fuq strajk tal-ġuħ iżda mhux għal xi persuna ta’ kulur differenti jew razza.
Il-familja Fenech gergret li Yorgen Fenech qed jinżamm f’diviżjoni fejn il-kundizzjonijiet huma ħżiena, anki f’din is-sħana.
Qalet li kull ġimgħa, Yorgen Fenech għandu ċ-ċans biss ta’ bejn kwarta u nofs siegħa, biex jara lill-uliedu u lill-familtu.
Intqal kif mingħajr raġuni, dan l-aċċess inqata’ mill-Ġimgħa filgħodu.