In-negozjant Yorgen Fenech mill-ġdid reġa’ ġie arrestat mill-pulizija sabiex jerġa’ jiġi interrogat mill-investigatturi b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Fenech inġabar mill-appartament tiegħu f’Portomaso għall-ħabta tat-3:30 ta’ waranofsinhar. Fi stqarrija l-pulizija qalet li Yorgen Fenech reġa’ qiegħed taħt il-kustodja tal-pulizija.
Matul il-jum tas-Sibt Fenech ingħata l-police bail minħabba l-kundizzjoni medika tiegħu. L-istqarrija tal-pulizija s-Sibt filgħaxija qalet li Fenech se jingħata l-police bail wara li dan għamel xi ħin l-isptar u fuq prattika normali tal-isptar, huwa ma kienx f’pożizzjoni li jkompli jiġi interrogat għall-24 siegħa.
Waqt li kien bil-police bail, Fench kien qed jinżamm taħt sigurtà stretta tal-Pulizija.
Matul il-jum tas-Sibt il-pulizija kompliet għaddejja bl-interrogazzjonijiet ma’ Fenech, b’rabta mal-omiċidju ta’ Daphne Caruana Galizia. Iżda waqt l-interrogazzjoni huwa ilmenta li qiegħed iħoss uġigħ u talab li jiġi invistat. Fuq rakkomandazzjoni tat-tabib għall-ħabta ta’ 12:00, huwa ttieħed l-Isptar Mater Dei taħt il-kustodja tal-pulizija.
Minkejja li Fenech ittieħed l-isptar, dan ma waqqafx lill-investigaturi milli jkomplu bl-investigazzjonijiet. Fil-fatt, l-investigaturi użaw il-ħin sabiex ikomplu l-interrogazzjoni tagħhom mas-suspettat middleman, raġel ta’ 41 sena u jkomplu jiġbru aktar evidenza.
Yorgen Fenech ġie arrestat l-Erbgħa filgħodu. Jirriżulta li l-pulizija kienet ilha żżomm għajnejha fuq Fenech għal dawn l-aħħar jiem.
Bl-Erbgħa filgħodu l-pulizija raw lil Fenech jitla’ fuq il-jott tiegħu u ġie arrestat ftit minuti wara meta ġie interċettat mill-Forzi Armati ta’ Malta fuq il-baħar viċin Pembroke meta allegatament prova joħroġ mill-pajjiż.