“Esperjenza mill-isbaħ li mhu se ninsa qatt”
Dan kien kliem Yazmin Zammit Stevens, l-atleta żagħżugħa li fl-Olimpjadi ta’ Tokjo, l-ewwel Maltija li rrappreżentat lil pajjiżna fid-dixxiplina sportiva tal-weightlifting.
Zammit Stevens kienet waħda minn erbatax-il atleta finalista mara minn madwar id-dinja li ħadu sehem fil-kategorija tal-erbgħa u sittin kilogramma tal-weightlifting.
Qal, “Kienet l-ikbar kompetizzjoni li qatt għamilt, naħseb hija l-ikbar kompetizzjoni għal kull atleta. Li nista ngħid li għalkemm mort f’ kompetizzjonijiet kbar bħal European Championship u World Championship, ma kien hemm xejn hija esperjenza bħal ma huma l-logħob Olimpjadi.”
F’Tokjo, Zammit Stevens irnexxielha twaqqaf rekord nazzjonali ġdid hekk kif irnexxielha terfa’ erbgħa u tmenin kilogramma fl-isnatch filwaqt li fil-clean and jerk irnexxielha terfa’ mija u ħames kilogrammi.
Dan ħalla lil Zammit Stevens b’punteġġ ġenerali ta’ mija u disgħa u tmenin kilogramma.
Spjega, “Apparti li nagħmel riżultat li nkun kburija bih, xtaqna li nagħmel rekord nazzjonali fuq dak l-istage Olimpiku, jiġifieri kont kuntenta ħafna li irnexxieli u kienet diffiċli li nżomm kalma u nagħmel dak ir-rekord imma irnexxieli u kburija ħafna bih.”
Tkellimna wkoll ma’ Jesmond Caruana, il-kowċ ta’ Zammit Stevens dwar it-tħejjijiet mentali għal-logħob Olimpik.
Qal, “Li tilħaq l-aħjar performance tiegħek fl-Olimpjadi hija l-iktar ħaġa importanti. L-eċitament ikun kbir f’dawn il-kompetizzjonijiet, u ovvjament meta l-prestazzjoni tkun waħda mill-aħjar, ikun riżultat sodisfaċenti.”
Zammit Stevens għalqet b’messaġġ ta’ ispirazzjoni għal dawk kollha li għandhom il-ħolma li fil-futur jirrappreżentaw il-bajda u l-ħamra f’kompetizzjoniet internazzjonali.
Qal, “Atleti żgħar hawn kemm trid, bażikament, hawn grupp enormi ta’ atleti żgħar li qed imorru tajjeb ħafna anke internazzjonalment. Il-parir tiegħi hu li jekk tħobb kwalunkwe sport, jibdew jipprattikawh b’ċertu dedikazzjoni għax ’il quddiem ma tistax tgħid, ikunu huma li sejrin għal-logħob Olimpiku.”