L-Avukat Yana Micallef Stafrace se tinħatar Maġistrat fil-Qrati Inferjuri wara approvazzjoni kemm mill-Kumitat dwar l-Għażla tal-Ġudikanti kif ukoll mill-Kabinett.
Din hija t-tielet ġudikant li se tkun qed tinħatar bis-sistema l-ġdida fejn applikant jiġi evalwat minn kumitat indipendenti dwar l-eleġibilità u l-mertu, skont kif titlob il-liġi, qabel ma jkun hemm approvazzjoni tal-isem mill-Kabinett. Il-kumitat huwa magħmul mill-Prim Imħallef, l-Avukat Ġenerali, l-Awditur Ġenerali, l-Ombudsman u l-President tal-Kamra tal-Avukati.
L-Avukat Yana Micallef Stafrace ggradwat mill-Università ta’ Malta fil-1986 u ilha tipprattika bħala Avukat mill-1987 wara sena ta’ stħarrig l-Italja.
Hija okkupat karigi istituzzjonali taħt diversi amministrazzjonijiet fosthom bħala Chairperson tal-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Domestika, Chairperson tat-Tribunal Għal Talbiet Żgħar, Chairperson tat-Tribunal Industrijali kif ukoll membru tal-Kummissjoni Permanenti Kontra l- Korruzzjoni.
Hija miżżewġa lil Peter Korsten u għandhom tifel wieħed.
Bil-ħatra ta’ Dr Micallef Stafrace n-numru ta’ nisa fil-Ġudikatura issa se jitla’ għal 20, li huwa 43 fil-mija tal-membri kollha fil-Ġudikatura.