It-Tnejn filgħaxija, id-dinja waqfet, is-sistemi ta’ whatsapp, Instagram u facebook waqgħu.
Qal, “Li ġara kien li dawn is-sistemi illi jagħtu r-rotot lil Facebook, waqqfu b’xi mod u waqgħu. Ir-raġuni għadna ma nafhuhiex u għadha ma ħariġtx ir-raġuni, li huwa żgur huwa li dawn waqqfu u dawn is-sistemi ma baqgħux jgħidu r-rotot kif għandek tasal għal Facebook. U li ġara huwa illi dawn ir-rotot ġew irtirati minn Facebook stess. X’inhi r-raġuni għadha m’hiex magħrufa.”
Dan huwa Martin Camilleri, li huwa Uffiċjal tas-Sigurtà fl-Informatika fi ħdan il-MITA, li tkellimna miegħu wara l-kollass għal diversi sigħat tal-paġni ta’ Facebook, Whats App u Instagram.
Huwa spjega kif meta wieħed ipprova jidħol fuq Facebook, il-broswer tiegħek beda jmur għand in-network ta’ Malta, kif iseħħ is-soltu.
Iżda bid-differenza tas-soltu, in-network ta’ Malta u n-networks ta’ madwar id-dinja ma bdewx isibu dawn is-siti soċjali.
Spjega, “Facebook irtiraw l-announcement tar-rotot għal xi raġuni li ma nafux x’inhi, il-Facebook dam ma reġa’ beda jibgħathom dawk in-notifikazzjonijiet lil sistemi oħra. U imbagħad biex tkompli żżid il-kumplikazzjoni kif Facebook bdew jibgħatuhom, tant kemm hemm sistemi fuq l-Internet illi sakemm l-informazzjoni waslet għand is-sistemi kollha ħadet il-ħin.”
Dan il-kollass fil-midja soċjali wassal biex anke affettwa wkoll il-messaġġi b’SMS.
Qal, “Fejn inti issa qabel, dak l-ammont ta’ messaġġi kien jgħaddi mill-Internet, biex niftemu, issa kemm qed jgħaddi minn fuq il-mobile network. U allura ħadet xokk ta’ ammont kbir ta’ SMS u jista’ jkun għal mod temporanju ma laħqitx għax kien hemm dan l-influss, din il-mewġa kbira ta’ messaġġi bl-SMS, flok bil-Messenger.”
Camilleri qal magħna kif il-MITA bdiet isegwi mill-qrib dak li kien qed jiġri, biex tara jekk din kinitx ħsara lokali, iżda ma kienx minnu.
Il-Fundatur ta’ Facebook, Mark Zuckerberg ħareġ apoloġija għal dan il-kollass, li wassal biex tilef madwar sitt biljun dollaru, mhux biss għalhekk iżda anki riżultat li eks ħaddiema tiegħu tkellmet kif il-kumpanija ġġib l-interessi finanzjarji tagħha qabel il-ġid komuni.