Il-karattru tant popolari mal-indafa ‘Xummiemu’ rritorna fl-iskejjel f’sessjonijiet edukattivi ġodda waqt SkolaSajf, li huma intiżi biex ikomplu joħolqu kuxjenza dwar l-indafa pubblika sa minn etajiet żgħar.
F’waħda minn dawn is-sessjonijiet, li nżammet fl-iskola ta’ Wied il-Għajn, kienu preżenti l-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima, u s-Segretarju Parlamentari għall-Indafa Pubblika, Glenn Bedingfield.
Il-Ministru Grima faħħar din l-inizjattiva u enfasizza l-importanza li, bħala poplu, minn età żgħira, għandna nitgħallmu ngħożżu l-ambjent ta’ madwarna, waqt li s-Segretarju Parlamentari Bedingfield tenna li, biex nieħdu ħsieb pajjiżna, irridu nilħqu lil kulħadd.
Bħalissa għaddejja wkoll kampanja nazzjonali li twassal għarfien dwar mezzi differenti biex jiġi rrapportat rimi illegali, inkluża l-mobile app ‘Clean and Upkeep’, jew bit-telefown fuq il-linja 1718.
Kitba ta’ Aymen Grech Pace