Il-kampanja edukattiva ta’ ‘Xummiemu’ kompliet bl-inizjattivi tagħha u, din id-darba, fid-daħla tal-Belt Valletta, fejn ġiet installata kontenitur tal-ħġieġ b’dak li l-ħaddiema tad-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni jiġbru ta’ kuljum fi skart mormi illegalment minn madwar il-pajjiż.
Fil-fatt jirriżulta li ma’ kull ġurnata d-diviżjoni tiġbor mal-45 tunellata ta’ skart simili minn toroq jew żoni lokali.
Id-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni Ramon Deguara spjega ma’ ONE News kif l-iskop ta’ dan kollu hu li, permezz ta’ għarfien u edukazzjoni, il-pubbliku jkun jista’ jifhem iżjed kif l-iskart hu ta’ dannu mhux biss għall-ambjent u l-bijodiversità ta’ madwarna, imma wkoll għall-aspett estetiku taż-żamma tal-pajjiż.
Intqal li, fil-maġġoranza tiegħu, l-iskart illegali li jinġabar ikun jikkonsisti minn boroż suwed li jinħarġu fil-ġurnata l-ħażina.
Min-naħa l-oħra meta wieħed joħroġ aktar fil-periferiji tal-lokalitajiet, jinstab ħafna aktar skart illegali relatat mal-industrija tal-kostruzzjoni.
Qal, “Ma naħsibx li hu denju li, fis-sena 2024, għadna nsibu minn dan it-tip ta’ abbuż meta nafu li għandna s-servizzi kollha pprovduti b’xejn, kemm mill-Gvern ċentrali kif ukoll mill-kunsilli lokali kollha f’pajjiżna. Jiġifieri wieħed faċli jċempel biex jiddisponi mill-iskart tiegħu u l-appell jibqa’ dejjem biex inkunu proattivi u nużaw is-sens ċiviku ħalli nevitaw minn dan it-tip ta’ inċidenti f’pajjiżna.”
Il-kampanja ‘Xummiemu’ ħalliet impatti pożittivi ferm, hekk kif mill-bidu tas-sena sa nofs Settembru daħlu aktar minn 14,600 rapport għand id-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni, li minnhom issolvew aktar minn ħamsa u disgħin fil-mija.
Sadanittant is-Segretarju Parlamentari għall-Indafa Pubblika, Glenn Bedingfield, spjega li l-għan ewlieni ta’ din l-inizjattiva hu li l-poplu jara aktar b’għajnejh il-kruha tal-iskart illegali.
Qal, “Aħna nixtiequ li n-nies tivviżwalizza l-iskart li tarmi. Dan hu pajjiżna u pajjiżna rridu nkunu aħna li nieħdu ħsiebu. L-ewwel għalina bħala Maltin u anke dawk li jiġu jżuruna.”