“Mhux talli qed nitħallsu b’xahar bil-quddiem, iżda tant aħna kuntenti b’xogħolna bħalissa li se nibdew nibdlu l-vetturi tagħna għal oħrajn aktar moderni u siguri iżjed għat-tfal tal-iskola.”
Dan kien il-messaġġ ta’ xufier tal-vannijiet li hu parti mill-iskema ta’ trasport b’xejn għall-istudenti tal-iskejjel. F’messaġġ ma’ ONE News ix-xufier spjega kif mhux minnu li x-xufiera mhux qed jitħallsu għas-servizz li qed jagħtu, dan b’referenza għal artiklu ppubblikat minn NET News fejn sostnew li xufiera tal-vannijiet tal-iskejjel mhux qed jitħallsu.
Spjega kif huma qed jitħallsu ta’ xogħlhom b’xahar bil-quddiem – 75% tal-kont fit-tieni ġimgħa ta’ kull xahar li jkunu qed jaħdmu u 25% tax-xahar ta’ qabel flimkien ma’ dak il-pagament.
L-istess xufier spjega kif grazzi għat-titjib fl-ekonomija, u l-mod kif qed jitħallsu, għadd ta’ xufiera issa jinsabu ferm kuntenti b’xogħolhom tant li se jibdew jibdlu l-vetturi tagħhom għal oħrajn ferm akbar, moderni u aktar siguri għat-tfal tal-iskola.
Kien fil-bidu ta’ Settembru li l-Gvern ħabbar li l-istudenti kollha fl-iskejjel sekondarji u f’tal-Knisja se jkunu qed jingħataw trasport b’xejn b’aktar minn 26,000 student. 14,000 li jattendu fi skejjel tal-istat, u 12,000 fi skejjel tal-Knisja u indipendenti jibbenefikaw minn din l-iskema.
Proprju ftit tal-ġimgħat ilu tħabbar kif issa l-ġenituri se jkunu nformati dwar it-trasport ta’ wliedhom. Dan hekk kif il-ġenituri, permezz ta’ app, se jkunu jistgħu jingħataw informazzjoni jekk u x’ħin it-tfal tagħhom telgħux u niżlux minn fuq il-vettura li tipprovdi t-trasport għall-iskola.
Dan permezz ta’ tag li tissejjaħ fob li titwaħħal mal-basket tal-istudent u permezz tagħha l-ġenitur jingħata l-informazzjoni msemmija permezz ta’ mobile app. Il-fob timmarka biss meta student jitla’ jew jinżel minn vann jew coach awtorizzata. Hija din il-vettura, u mhux il-fob, li tibgħat l-informazzjoni neċessarja lill-ġenitur, biss ta’ fejn wasal l-istudent fuq il-vjaġġ permezz tal-istess app.