Żewġt irġiel ingħataw il-ħelsien mill-arrest fuq diversi kundizzjonijiet, wara li wieġbu mhux ħatja għal akkużi marbuta ma’ konfoffi biex jittraffikaw l-eroina, li akkwistaw id-droga, u li kienu fil-pussess tad-droga f’ċirkostanzi li juru li ma kinitx għall-użu personali.
Kevin Mifsud, ta’ wieħed u erbgħin sena minn Ħaż-Żebbuġ, li jaħdem bħala xufier tat-trakkijiet, u Francois Zammit, ta’ ħamsa u erbgħin sena miż-Żejtun, li m’għandux impjieg, kienu arrestati s-Sibt wara li l-Pulizija segwew lil Mifsud waqt li kien qed isuq il-vann tiegħun f’Ħaż-Żabbar.
F’filmati minn kameras tas-sigurtà, Mifsud deher jagħti xi ħaġa lil Zammit, li rriżultat li kienet nofs kilo droga eroina.
Iż-żewġt irġiel talbu għall-ħelsien mill-arrest, iżda sabu oġġezzjoni mill-Prosekuzzjoni.
Fil-każ ta’ Zammit, ġie nnutat ir-rekord kriminali li jġorr, filwaqt li għal Mifsud, ġie rrimarkat kif l-allegat traffikar seħħ fil-preżenza ta’ ibnu ta’ għaxar snin.
Il-Maġistrat Rachel Montebello laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest fuq diversi kundizzjonijiet, fosthom depożitu u garanzija personali, li jiffirmaw f’għassa, u li jkunu d-dar f’ċertu ħinijiet.