Raġel ta’ erbgħin sena li kien qed jaffaċċja akkużi ta’ abbuż fil-konfront tal-eks sieħba tiegħu, baqa’ jinżamm arrestat fl-Isptar Monte Karmeli sakemm jingħata s-sentenza, wara li ammetta li segwa u ffastidja lill-eks sieħba.
Ir-raġel minn Marsaskala li jaħdem bħala xufier tat-taxis, kien ingħata l-ħelsien mill-arrest f’Mejju li għadda, wara li kien diġà ġie akkużat b’abbuż sesswali fuq l-istess mara.
Il-mara kkuntattjat lill-Pulizija lbieraħ, wara li rat li ġurnata qabel kien qed isegwiha.
Huwa qal lill-Pulizija li kien qed isegwiha għax ħalla arma tan-nar li ma kinitx irreġistrata fid-dar tagħha.
Flimkien mal-akkużi ta’ fastidju u theddid fuq l-eks sieħba, ir-raġel ġie akkużat li kkaġuna wkoll biża’ fuq bintha li se tintuża vjolenza fuqha, u li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest li ngħatawlu mill-Qorti f’Mejju li għadda.
Huwa ġie akkużat ukoll li kien fil-pussess ta’ arma mhux liċenzjata u li kien qed iġorrha fuqu.
Il-Qorti qalet li se tagħti s-sentenza l-ġimgħa d-dieħla.
Ir-raġel qed jinżamm fl-Isptar Monte Karmeli minħabba l-problemi psikoloġiċi li għaddej minnhom.