Xufier ta’ mutur weġġa’ gravi wara inċident tat-traffiku fil-Mosta.
L-inċident seħħ illum, għal xi t-tmienja ta’ filgħodu fi Triq id-Difiża Ċivili.
Il-Pulizija marret minnufih fuq il-post u minn stħarriġ preliminari rriżulta li raġel ta’ 68 sena li joqgħod San Pawl il-Baħar, tilef il-kontroll tal-karozza li kien qed isuq, tat-tip Toyota, bil-konsegwenza li laqat il-barrikati tas-siment. Bid-daqqa, il-karozza marret fuq il-karreġġjata opposta u seħħet ħabta bejn il-karozza u mutur Ducati, li kien qed jinstaq minn Irlandiż ta’ 41 sena residenti l-Mosta.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku u ambulanza ħadet lix-xufier tal-mutur l-Isptar Mater Dei sabiex jingħata l-kura meħtieġa.
L-investigazzjonijiet mill-Pulizija għadhom għaddejjin.