Ix-xufier tal-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia jqis li Bernard Grech mhu jiswa assolutament xejn għall-Partit Nazzjonalista. Anzi, skontu, dan qed ikompli jirrovinah iżjed milli hu.
Ġorġ Mallia, li kien ingaġġat minn Adrian Delia, anke meta dan kien għadu Kap tal-Oppożizzjoni sal-2020, kien qed jgħaddi r-reazzjoni tiegħu fuq kumment, li ttella’ fuq Facebook minn ċertu Anthony Grech, li enfasizza dwar l-apatija li teżisti fit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista.
Waqt li dan tenna kif ma jistax jifhem kif, wara żewġ attakki fuq żewġ membri tal-Partit u l-Kap u t-tmexxija tal-Partit baqgħu siekta, dlonk ħareġ ix-xufier ta’ Adrian Delia jwieġbu li dan hu possibbli għax, skontu, Bernard Grech hu “mixtri” biex ikompli jirrovina lill-Partit Nazzjonalista, kif irid il-Labour.
Fuq l-istess post ta’ Anthony Grech, ikkummenta wkoll ċertu Karmenu Borg li qal li l-Partit ta’ Bernard Grech ipprefera “biċċa Komunist”, b’referenza aktarx għall-eks Ċermen tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb Mark Camilleri, li għandu l-appoġġ tal-establishment, minflok iddefenda żewġ deputati, aktarx b’referenza għal Alex Borg u l-istess Adrian Delia.
“Imbagħad jiskantaw għalxiex eluf għamlu bħali u telqu minn dak il-Partit,” tenna Karmenu Borg.
Oħrajn ukoll komplew li l-Partit Nazzjonalista m’għadux tan-Nazzjonalisti u li Bernard Grech ġab saħta fuqu, partikolarment għax hu pupazz f’idejn “monstri” li hemm warajh, b’referenza ċara għall-establishment li dejjem tgħaddi tiegħu.
Sadanittant, fi grupp ieħor magħluq għall-partitarji Nazzjonalisti, l-istess Ġorġ Mallia kkummenta wkoll li sakemm ma jkunx hemm Kap li kapaċi jgħaqqad lill-partitarji u ma joqgħodx jilgħaq lil ta’ Repubblika u bħal Mark Camilleri, li rrefera għalih bħala “dan il-maħmuġ kollu”, il-Partit Nazzjonalista ma jistax jieħu r-ruħ.
Ix-xufier ta’ Adrian Delia kiteb li “Bernard (Grech) jaħli l-ħin tal-Partit u tal-pajjiż qiegħed” u temm jisħaq li ġabuh jistħi jgħid li hu Nazzjonalist.