Xufier fit-trasport tal-passiġġieri nżamm arrestat wara li, fil-Qorti, ġie mixli li ħebb għal passiġġier wara li dan ilmenta mis-sewqan tiegħu.
Ir-raġel ta’ 37 sena mil-Libja wieġeb mhux ħati li weġġa’ Brażiljan fl-1 t’Ottubru li għadda, meta kien qed iwasslu l-Belt minn Paceville.
Fil-Qorti ntqal kif il-passiġġier beda jilmenta dwar is-sewqan tax-xufier, iżda hu injorah. Fil-fatt il-passiġġier qallu biex jieqaf, bix-xufier iwieġbu li kien kważi wasal.
Jirriżulta li, meta l-allegat vittma ħallas lix-xufier, semmielu xi droga u kien hawn li x-xufier allegatament tah daqqa ta’ ponn f’wiċċu u daqqa b’xi arma f’id il-passiġġier.
Il-Libjan telaq minn fuq il-post u ħalla lill-passiġġier bid-demm ħiereġ.
Fid-dawl ta’ dan kollu, ġiet miċħuda t-talba għall-ħelsien mill-arrest. Il-każ ikompli.
Ritratt: Lovin Malta