Carlos Cardona, xufier ta’ 44 sena mill-Marsa, inżamm arrestat wara li fis-sigħat bikrin tas-Sibt, għall-ħabta tas-sagħtejn ta’ filgħodu, saq għal fuq tliet persuni fl-Iklin.
Fil-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Noel Bartolo, l-akkużat ġie akkużat li kkaġuna ġrieħi gravi lil wieħed mill-vittmi u ġrieħi ħfief lit-tnejn l-oħra.
Barra minn hekk, huwa ġie mixli b’sewqan traskurat, li saq taħt l-effett xorb jew drogi, li għamel U-Turn f’post ipprojbit, li naqas milli jirrapporta li kien involut f’inċident tat-traffiku u li kiser il-paċi pubblika.
Il-Prosekuzzjoni qalet li meta l-pulizija marru fuq il-post, stabilixxew li l-akkużat saq minn ħdejhom, dawwar u laqathom.
Cardona wieġeb mhux ħati tal-akkużi u d-difiża għamlet talba biex jingħata l-ħelsien mill-arrest, liema talba ġiet miċħuda minħabba l-gravita’ tal-akkużi u minħabba l-biża’ ta’ ntralċ tal-provi.
Id-Difiża qalet li l-imputat laqathom waqt li kien qed jirriversja, u li dawn kienu ħerġin minn stabbiliment tad-divertiment.
Intqal li m’hemm ebda relazzjoni bejn l-imputat u l-allegat vittmi, filwaqt li wara li laqathom, marru għalih u bdew ituh, tant li ġarrab xi ġrieħi.