Illum il-Pulizija kompliet bl-ispezzjonijiet f’diversi toroq Maltin dwar abbuż ta’ sewqan eċċessiv u ksur ta’ regolamenti tat-traffiku.
F’Kennedy drive l-Pulizija ħarrket sewwieq ta’ BMW li nqabad isuq b’mija u tmienja u għoxrin kilometru fis-siegħa, u żewġ sewwieqa oħra li nqabdu jsuqu b’mija u għoxrin kilometru u mija u għaxar kilometru fis-siegħa rispettivament.
Saru wkoll spezzjonijiet fi Triq Bormla, iż-Żejtun fejn b’kollox inħarġu sitta u għoxrin taħrika. Filwaqt li fi Triq Louis Wettinger nħarġu tnejn u tlettin taħrika b’rabta ma’ sewqan eċċessiv.
Ingħataw ukoll tletin multa fuq diversi irregolaritajiet, fosthom vetturi li ma kellhomx numru ta’ reġistrazzjoni, li kellhom ħġieġ tinted u li kienu bla liċenzja.
Waqt li kienu qegħdin isiru dawn il-kontrolli, fi Triq Dragonara, f’San Ġiljan, il-Pulizija nnutaw vettura tat-tip Mercedes li qajmet suspett.
Għaldaqstant, il-Pulizija waqqfu din il-vettura u minn tfittxija li saret, ix-xufier instab fil-pussess ta’ sustanza suspettata raża tal-Kannabis.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.