Xufier ta’ xarabank tal-iskola jagħti n-nar il-vettura mimlija bit-tfal tal-iskola fl-Italja. Ir-raġel, li għandu 47 sena u huwa mis-Senegal, ħataf ix-xarabank li kien qed isuq u taha n-nar viċin Milan, bi protest.
Fix-xarabank kien hemm 51 tifel u tifla tal-iskola, u xi għalliema, uħud minnhom marbuta. Dawn kollha ġew salvati u hu mifhum li ma ġarrbux ġrieħi serji, għalkemm madwar 14 minnhom kellhom jingħataw kura għall-ammont ta’ dħaħen li belgħu.
Ix-xufier, Ousseynou Sy, jidher li esprima r-rabja tiegħu lejn il-politika Taljana dwar l-immigrazzjoni, u anke dwar l-imwiet ta’ immigranti fil-baħar Mediterran. Kelliem għall-pulizija qal li x-xufier għajjat “waqqfu l-imwiet fil-baħar, jien se nagħmel massakru”
Il-prosekuturi qalu li r-raġel qed jaffaċja akkużi ta’ ħtif ta’ persuni, attentat ta’ qtil tal-massa, li kkawża nirien u li rreżista l-arrest.