Id-Deputat Chairperson tal-Malta Enterprise Peter Borg, irriżenja mill-kariga tiegħu fid-dawl tal-konklużjonijiet fir-rapport tal-inkjesta pubblika dwar il-mewt ta’ Jean Paul Sofia.
Borg ikkonferma dan mal-gazzetta The Times l-Erbgħa, propju fl-istess jum li l-Prim Ministru Robert Abela ngħata kopja tar-rapport finali tal-inkjesta pubblika b’rabta mal-mewt ta’ Jean Paul Sofia u li ġie ppubblikat minnufih.
Fl-istess jum ukoll il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma fil-Kostruzzjoni, Jonathan Attard ħabbar li l-Perit David Xuereb ta r-riżenja tiegħu bħala Chairperson mhux eżekuttiv tal-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-post tax-Xogħol,
Attard ħabbar dan waqt li kien qiegħed jindirizza l-Parlament l-Erbgħa filgħaxija fejn spjega li Xuereb ukoll ta’ ir-riżenja tiegħu abbażi tal-konklużjonijiet tal-inkjesta pubblika.
Fir-rapport tiegħu, il-Bord tal-inkjesta spjega li filwaqt li ma nstabet ebda rabta bejn l-allokazzjoni tal-art fejn fiha seħħ l-inċident u l-proċess tal-allokazzjoni, il-Bord tal-inkjesta tkellem dwar il-bżonn ta’ aktar inforzar u ħareġ ukoll b’39 rakkomandazzjoni, b’diversi minnhom li diġà ġew implimentati.
F’konferenza tal-aħbarjiet ftit tal-ħin wara li ngħata kopja tar-rapport, il-Prim Ministru Robert Abela qal li hu kien qiegħed jistenna r-riżenja ta’ għadd ta’ uffiċjali pubbliċi li ġew elenkati fl-inkjesta pubblika. Dan filwaqt li ħabbar 5 inizjattivi immedjati li jkomplu jikkonfermaw l-impenn tal-Gvern li jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet imsemmija filwaqt li jirriforma s-settur tal-Kostruzzjoni.
Intant tħabbret ukoll ir-riżenja ta’ Victor Carachi, membru fuq il-kumitat tal-investimenti tal-Malta Enterprise.
Qed jiġi rrappurtat ukoll li Paul Abela li huwa membru ieħor fuq il-kumitat tal-investimenti tal-Malta Enterprise mistenni wkoll jagħti r-riżenja tiegħu.