Fl-iskola Primarja ta’ Birżebbuġa tiddomina ħemda siekta li ttarrax aktar mit-tgemgim u l-għajjat tat-tfal li jpassu mill-kurituri b’entużjażmu ta’ kuljum.
Dan erbat ijiem wara li tħabbret il-mewt ta’ Doreen Pulis, waħda mill-purtinara tal-iskola, li tilfet ħajjitha f’inċident tat-traffiku waqt dik li kellha tkun btala li matulha, flimkien ma’ żewġha, terġa’ tingħaqad ma’ ħuha wara għexieren ta’ snin.
Minflok, tilfu ħajjithom it-tlieta li huma.
Doriette Farrugia, li l-ħbiberija tagħha ma’ Doreen tmur lura ħafna u ħafna snin, qasmet ma’ ONE News l-aħħar memorja tal-persuna li dejjem kienet hemm għaliha fl-aktar żminijiet diffiċli.
Farrugia qalet “L-aħħar qabel telqu ġiet bil-cards, urietna l-card għax Lorry kellu jkollu l-birthday l-Awstralja, u ġabet il-card qaltilna issa din ħa nurihielu l-Awstralja għax ħa nagħmillu surprise hemmhekk, u ġabet il-card ta’ dawk li kellhom ikunu tat-tieġ.”Is-sentiment fost l-għalliema kien wieħed. Doreen kienet mara ferriħija li tkompli ma’ kulħadd.
L-għalliema Karen Pulliċino spjegat li “Kif titla fil-kuritur tkun taf li telgħet għax tibda tgħajjat u tagħmel l-istorbju u tkellimna. Filfatt il-ħin kollu qed nistennewha titla aħna.”
Kulħadd baqa’ xxukkjat meta sema’ bl-aħbar; hekk kif l-ewwel biljett ta’ titjira li xtrat Doreen, kellu jkun il-biljett li wassalha għall-ħajja ta’ dejjem.
Għalliema kumplimentari qalet kif “Aħna kuntenti bl-istaff kollu imma lilha konna vera drajniha u nħobbuha dejjem tidħak dejjem tgħid bonġu lil kulħadd. Il-kwiet li hemm bħalissa jqabbdek dieqa kbira.”
Deskritta bħala mara unika dejjem b’daħka fuq wiċċa, Doreen kienet ukoll mara bieżla u dedikata f’xogħolha.
L-Asistent Kap tal-Iskola, Maryanne Camilleri qalet li “Kienet tagħmel xogħol b’ċertu dedikazzjoni u kienet tieħdu bis-serjeta anki meta jkollna l-problemi dejjem tfakkarna hawnhekk l-istaff kien iqisha bħala kollega u ħabiba fl-istess ħin.”
Viżibbilment emozzjonat, il-Kap tal-Iskola Jean-Pierre Micallef ħadna lura għall-aħħar jum ta’ ħidma ta’ Doreen fl-iskola, meta bid-dmugħ f’għajnejha bdiet iddur lill-ħaddiema u tgħannaqhom. Qajla kienu jafu li kellha tkun l-aħħar tgħannieqa.
Miccallef qal li “Wara mbagħad hekk tgħid għax meta ġejna l-Ġimgħa filgħodu u ħadna l-aħbar u l-iskola kollha kienet taħt xokk, kulħadd imbikkem, kulħadd bla moħħ biex jaħdem b’nofs aptit, li wara meta toqgħod tirrealizza tgħannieqa qisha ħa titlaq għal dejjem u vera telqet għal dejjem għax ħallietna.”
Li hu żgur hu li l-ġerħa li ħalliet warajha Doreen, li telqet minn din id-dinja id f’id ma’ tnejn mill-aktar persuni għeżież għaliha, hija waħda ta’ uġigħ kbir.