Il-Gvern ippubblika dokument għall-konsultazzjoni pubblika bil-għan li jirriforma l-mod kif jiġu f’pajjiżna ħaddiema minn pajjiżi terzi, jiġifieri pajjiżi barra mill-Unjoni Ewropea.
Hemm erba’ prinċipji ċari u 32 rakkomdazzjoni.
- L-ewwel prinċipju li fuqu hija msejsa din il-bidla jorbot mal-istabbiltà fis-suq tax-xogħol.
- It-tieni prinċipju jdur mad-drittijiet tal-ħaddiema.
- It-tielet prinċipju jorbot mal-fatt li jiġu biss il-ħaddiema li hemm bżonn
- U r-raba’ prinċipju hu marbut mal-ħtieġa tal-investiment fil-ħiliet.
Bil-proposti li qed jipproponi l-Gvern, min iħaddem se jkun jaqbillu jinvesti fil-ħaddiema li għandu biex hekk iżid il-kwalità u l-produttività u mhux jibbaża l-mudell tiegħu fuq numri kbar ta’ ħaddiema li jkun irid iġib.
Saħansitra, il-Gvern qed jipproponi li kumpaniji li jkeċċu ammonti sostanzjali ta’ ħaddiema ma jkollhomx il-jedd li japplikaw għal ħaddiema minn pajjiżi terzi, filwaqt li kumpaniji ġodda ma jistgħux jinfetħu minn persuni minn pajjiżi terzi sakemm mhux f’każi eċċezzjonali li jagħtu valur miżjud lill-ekonomija u lis-soċjetà Maltija. Iktar minn hekk qabel wieħed iħares li jimpjega persuni minn pajjiżi terzi jrid ikollu miegħu ħaddiema minn Malta jew mill-Unjoni Ewropea, biċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea jgawdu mid-dritt tal-moviment ħieles.
Fi proposta oħra jingħad li min iżomm ħaddiema li diġa’ għandu se jħallas inqas għal proċessi ta’ tiġdid mal-awtoritajiet, meta mqabbel ma min iġib ħaddiema ġodda li se jkun irid iħallas iktar.
Persuni li jiġu Malta b’viża li mhux marbuta max-xogħol mhux se jkunu jistgħu jingħataw permess ta’ xogħol, b’hekk tingħalaq toqba li qed tiġi abbużata u li tista’ twassal għal isfruttar tal-persuni.
Fil-fatt, il-politika proposta tisħaq li f’Malta kull ħaddiem irid ikun stmat b’dinjità u tinkludi diversi miżuri li jaħsbu għal dan il-għan, fosthom il-ħlas f’kont tal-bank għall-ħaddiema ġodda minn pajjiżi terzi, filwaqt li persuni li jitilfu x-xogħol f’Malta se jkunu jistgħu idumu sa 60 ġurnata biex isibu xogħol alternattiv b’differenza mill-għaxart ijiem tal-lum. B’hekk terġa’ tingħata opportunità lill-ħaddiema li jkunu saru jafu lil Malta minflok jiġu oħrajn ġodda u hekk ukoll jitnaqqas il-potenzjal ta’ sfruttament.
Tista’ tipparteċipa fil-konsultazzjoni pubblika sad-9 ta’ Frar fuq publicconsultation.gov.mt.
AQRA WKOLL: