L-ex maħbuba ta’ biljunarju Ingliż spiċċat fl-aħbarijiet wara li lmentat li l-attakk terroristiku f’Nice irrovina l-mawra bil-jott li kellha tieħu fin-nofsinhar ta’ Franza.
Christina Sysoeva ta’ 35 sena, omm ta’ tifel li huwa nofsu Ingliż, qalet li tinsab iddiżappuntata li hi u sħabha tilfu l-logħob tan-nar.
Skont kif irrapportat fuq ġurnal Ingliż, il-mezzi tax-xandir Russi qalu li Sysoeva kitbet online li baqgħat ħajja filwaqt li 84 persuna mietu fuq ix-xatt. Dan kitbitu għaliex fil-ħin tal-attakk kienet fuq jott fil-viċin.
Ir-Russa spiss ittella’ ritratti tal-istil ta’ ħajja lussuża li tgħix f’Londra fuq mezzi soċjali – ħafna minnhom ikunu festini ma sħabha.
Ilmentat li jkollha tgħix taħt protezzjoni kbira u ma tista’ tmur imkien mingħajr gwardji. Qalet li bid-djamanti li għandha, ma tistax toħroġ barra fit-toroq mingħajr mill-inqas żewġ persuni jipproteġuha.
Hija spiċċat famuża wara li pparteċipat f’reality show fl-2013, meta kienet kwotata tgħid li ma tħosshiex ħatja li ħaddieħor m’għandux djamanti bħalha.