Iż-Żurrieq ilu abitat sa minn Żmien il-Bronż minn popolazzjoni pjuttost imdaqqsa. Illum dan il-villaġġ joffri diversi siti ta’ interess li jiddataw għal perjodi differenti. Nhar is-Sibt, 15 ta’ Diċembru, Heritage Malta qed tistieden lill-pubbliku għal mixja kulturali madwar iż-Żurrieq biex jiskopri wħud minn dawn il-postijiet interessanti.
Din il-mixja se tibda minn ħdejn il-Mitħna tax-Xarolla li nbniet fl-1724 mill-Granmastru Manoel de Vilhena. Fl-1992, din il-mitħna ġiet restawrata u fis-sena 2000 għaddiet għand il-Kunsill Lokali taż-Żurrieq sabiex jamministraha. Illum dan il-lwog iservi bħala ċentru kulturali.
Maġenb din il-mitħna, wieħed isib għadd ta’ oqbra Paleo-Kristjani li bħalissa qed jiġu skavati. Dawn l-oqbra għandhom ċerti karatteristiċi li rarament jinstabu f’oqbra oħra simili madwar il-gżira.
Il-mixja tkompli lejn l-eqdem parti tal-villaġġ u hemmhekk se jiġu identifikati numru ta’ postijiet storiċi u binjiet importanti. Fost dawn, il-parteċipanti se jimxu matul il-parroċċa, l-Armerija, ir-residenza ta’ Mattia Preti u diversi palazzi.
Se jkun hemm waqfa għal kafè f’wieħed mill-klabbs tal-baned lokali. Il-mixja se ssir b’pass komdu, madanakollu l-parteċipanti huma mħeġġa jilbsu żarbun komdu.
Post ta’ tluq u ħin: Quddiem il-monument tal-Indipendenza fid-8.45am. Ritorn lejn il-Furjana bejn wieħed u ieħor fis-1.00pm (trasport inkluż).
Biljetti: Adulti €12, Anzjani/Studenti/Tfal/Membri ta’ Heritage Malta €10. Biljetti jistgħu jinxtraw mis-siti u l-mużewijiet kollha ta’ Heritage Malta jew onlajn fuq https://shop.heritagemalta.org/index.asp?eventid=496
Għal aktar informazzjoni, idħol fis-sit ta’ Heritage Malta http://www.heritagemalta.org