l-Prim Ministru Joseph Muscat poġġa kuruna tal-fjuri fuq il-qabar ta’ Francesco Buhagiar, it-tieni Prim Ministru ta’ Malta qabel l-Indipendenza.
Iżda apparti li kien Prim Ministru, Francesco Buhagiar min kien? Kemm hawn min jaf sew dwaru?
Dottor Buhagiar twieled il-Qrendi fis-7 ta’ Settembru 1876 u studja l-liġi fl-Università Rjali ta’ Malta u iggradwa fl-1901. Fil-karriera tiegħu bħala avukat wera kapaċitajiet kbar fil-liġijiet Ċivili u Kummerċjali.
Wara li Malta ngħatat id-dritt li tiggverna lilha nnifisha, Dottor Buhagiar irritorna lura fl-Assemblea Leġislattiva fl-elezzjonijiet tal-1921 u l-1924 ma’ l-Unione Popolare Maltese (UPM). Fit-13 ta’ Ottubru 1922 kien maħtur bħala Ministru tal-Ġustizzja, suċċessur ta’ Dottor Alfredo Caruana Gatto u eżatt sena wara nħatar bħala s-suċċessur tas-Senatur Joseph Howard bħala Prim Ministru.
Il-koalizzjoni tal-Unione Popolare Maltese mal-Partit Laburista ġiet fi tmiemha fit-2 ta’ Jannar 1924 imma Buhagiar mexxa gvern ta’ minoranza sakemm il-Parlament ġie xolt f’April tal-istess sena. Wara l-elezzjoni ta’ Ġunju 1924, l-Unione Popolare Maltesernexxilu jikseb biss għaxar siġġijiet fl-Assemblea Leġislattiva imma Buhagiar xorta ġie mitlub jifforma l-Gvern. Hu mexxa Gvern ta’ minoranza sat-22 ta’ Settembru 1924 sakemm irriżenja u ġie maħtur Imħallef tal-Qorti Suprema.
Francesco Buhagiar kien demokratiku rispettat minn kulħadd anke mill-avversarji politiċi tiegħu. Il-karriera tiegħu bħala Mħallef spikkat tant, li baqa’ magħruf għar-reputazzjoni ta’ bniedem prattiku per eċċellenza u espert fil-liġi.
Buhagiar kompla l-karriera legali tiegħu sal-1934, meta kellu jieqaf wara li tah attakk tal-appendiċite. Hu miet fl-iSptar tal-Blue Sisters u midfun fiċ-Ċimiterju tal-Addolorata.
Francesco Buhagiar kien miżżewweġ lil Enrichetta Said u kellhom ħames t’itfal.
Ħajr lill-blog Lil Malta Tagħna u Jason Borg mid-DOI għar-ritratt