Hekk l-istess titlu kont ktibt għas-sena 1998 fit-Torċa u laqqat libell mingħand il-Perit Mintoff għax semmejtu. Naturalment irbaħtu għax dak li għedt kien veru, u Mintoff ħallas l-ispejjeż.
Imma din is-sena hija wisq aktar qawwija mis-sena 1998, kemm għal pajjiżna u kemm għalija personalment. Imma nħallu lili personalment, minkejja li kelli ħafna episodji mhux tas-soltu.
Qatt kontu tobsru li f’din is-sena kien se jkun hemm elezzjoni ġenerali, meta kien baqa’ daqstant xhur oħra, u l-gvern seta’ jagħżel li jistenna sal-aħħar. Mhux jibqa’ ikkakkmat mas-siġġu bħal-leġislatura ta’ qabel, minkejja li l-gvern nazzjonalista kien sfiduċjat. Kien hemm min ħassha mossa azzardata.Fl-istess żmien il-gvern kien għaddej bil-Presidenza tal-Unjoni Ewropea. Kienet esperjenza għal kollox ġdida għal Malta, u anke għall-uffiċjali tal-gvern u tal-awtoritajiet li jkollhom ikejlu lilhom infushom mal-barrani, u mhux biss juru li kapaċi daqshom imma aktar minnhom. Jien smajt mill-qrib kemm uffiċjali Maltin għamlu marka tajba għalihom infushom, u tant hu hekk li meta qed ikun hemm applikazzjonijiet miftuħa għal xi kariga fl-Unjoni Ewropea, il-Maltin qed jintagħżlu għax urejna li aħna mhux indaqs, imma saħanistra superjuri. L-istess urew il-Ministri u l-Prim Ministru fuq kollox, u l-kapacita` tiegħu li jkun sensal tajjeb u jikkonvinċi lill-kapijiet tal-pajjiżi Ewropej, li naturlament kulħadd jiġbed għal xawwatu.
U qisu dak ma kienx biżżejjed. Kien hawn ukoll il-laqgħa tal-Kapijiet tal-pajjiżi tal-Commonwealth, fejn Malta ġeddedt ir-rabtiet mal-imgħoddi qarib, u l-istorja bejn Malta u l-Ingilterra u l-pajjiżi l-oħra tal-Commonwealth. Mhux tajna daharna lill-pajjiżi li darba kienu kolonji bħalna, u ħafna ħadu l-indipendenza magħna għax hekk kienet mitluba taghmel l-Ingilterra mill-Ġnus Magħquda.
Waqt li kien għaddej dan kollu, fl-Ingilterra kien hemm ir-referendum msejjaħ minn David Cameron jekk ir-Renju Unit kellux jibqa’ fl-Unjoni Ewropea, u hu bassar li l-Ingliżi kien qed jgħidu li jridu jibqgħu, u hekk ukoll kienet taħseb l-Unjoni Ewropea, għax il-polls hekk kienu juru. Meta ġie l-mument ir-riżultat kien li kien, u l-polls kienu bassru ħażin. Il-gvern Ingliż, mrobbi fid-demokrazija, li minnha xrobna aħna, aċċetta l-verdett.
B’dak ir-referendum inbidlet il-mappa tal-Ewropa. Il-bandiera tibqa’ bi tnax-il stilla, imma …..
Niġu għall-elezzjoni. Jien qatt ma emmint il-polls, u kien hemm ħafna li kienu qed jaqtgħu t-tombla. Kulħadd kien jgħid li l-PN kien minn taħt imma ħadd ma kien qed jobsor b’kemm. Jien bejni u bejn ruħi għedt li forsi d-differenza tkun ta’ 18000. Meta kont sejjer nivvota l-Marsa, ħdejn il-knisja kien hemm Charles Dimech li nafu minn żmien ilu, u qalli “kemm taħseb ?” Ghedtlu 18-il elf.. “Ehh mela, naslu 40,000.” Dan ma għamilx poll, imma forsi ħass il-polz.
F’din l-elezzjoni, meta rajt il-ħdura li kienet qed tixxerred, flok il-politika, żmien ħazin daqs żmien id-dnub il-mejjet, ma flaħtx noqgħod lura u bi kwieti. Jien dejjem emmint li min ikun għamel żmienu m’għandux jindaħal iżżejjed. Kieku kont suldat jew pulizija wkoll kont inkun għamilt is-servizz tiegħi. Imma tant kont qed inwegga’ li bdejt inwieġeb artiklu u kummenti fuq it-Times online. It-Times hija l-aktar gazzetta li d-demokrazija ma tafx fejn toqgħod. Meta rajt li ma riedux ixandru l-opinjonijiet u l-kummenti tiegħi, erħejtilha fuq facebook, u dak li kelli ngħid, għedtu, u issa …..Issa, grazzi għal Simon Busuttil, rega’ ġabni nargumenta fuq il-politika. Kos suppost li keċċa bosta nies, u spiċċa keċċew lilu, u kontra qalbu. U għażlu kap ġdid. Imma issa la reġgħet ġiet il-muża, mhux beħsiebni nieqaf.
Mhux se nintilef fuq il-qtil ta’ DCG. Issa li l-każ quddiem il-qrati, jixraq li tħalli li l-proċess isir mill-qrati u mhux fuq il-ġurnali. Kemm rajna kummenti li kienu politikament motivati, Mhux la kemm iċċama u twaħħal f’dak u l-ieħor, u billi tagħmel id-dimostrazzjonijiet u diskorsi. Jidher li riedu jkomplu bl-istess vina ta’ Simon Busuttil. Imnalla ħaġa waħda, li ma hemm ħadd suspettat li qatt xejjer bandiera Laburista. Mur ara kieku!
Jien f’din is-sena stenbaħt, u qomt u sibt li qegħdin fl-aħjar żmien.