“Żrajna żerriegħa, bdejna nqassmu l-frott, iżda rajna li l-frotta ma kinitx qed tasal għand kulħadd.” Kien dan id-diskors li qal il-Prim Ministru lbieraħ fiċ-Ċentru Laburista tal-Marsa. Il-Prim Ministru spjega li jekk ma jkunx il-Gvern li jaħseb f’dawn in-nies, ħadd mhu se jaħseb fihom u għalhekk illum se jkollna baġit soċjali, baġit li jaħseb f’min hu l-aktar fil-bżonn.
Fi kliem il-Prim Ministru kien Gvern Laburista li wara li l-baġit li propona Lawrence Gonzi m’għaddiex mid-deputati tiegħu stess, li ġab lura ċ-ċertezza u l-istabilitá ekonomika.
“Qabel ma tlaqna, stabilizzajna l-ekonomija. Tajna ċ-ċertezza. F’Novembru ta’ wara ppreżentajna l-ewwel baġit propju tagħna, ftaħna l-bieb għall-investiment, tajna ċ-childcare b’xejn, raħħasna l-kontijiet u rajna r-reversal. Dak iż-żmien Simon Busuttil kien jgħid li hawn krizi ta’ xogħol, u vera, kellu raġun għax Gvern Nazzjonalista ħalla wirt ta’ qgħad dejjem tiela’,” spjega l-Prim Ministru.
Permezz tal-aħħar baġit Gvern Laburista dawwar ir-rotta biex aktar nies joħorġu jaħdmu li waslet biex:
- Aktar nisa ħarġu jaħdmu
- Żgħażagħ li kienu qed ifallu fis-sistema edukattiva sabu mpjieg
- Tnaqqas l-abbuż tal-benefiċċji
Minkejja s-suċċessi li rnexxielu jikseb dan il-Gvern, il-Prim Ministru xorta waħda se jkun qed iħabbar baġit soċjali biex dawk li ma jistawx jaħdmu, min qed jaħdem bil-minimum wage u ma jistax ilaħħaq mal-ispejjeż u min ġenwinament qed jirsisti iżda mhux qed jimxi ‘l quddiem ikunu jistgħu igawdu mill-ġid ta’ ekonomija b’saħħitha.
“Dan huwa Gvern li sena wara l-oħra flok jieħu, qed jagħti. Gvern li kabbar l-ekonomija, u issa wasal iż-żmien li ż-żgħir nett jieħu aktar. Min qiegħed ibati se ngħinuh. Se nagħmlu ġlieda ma min jabbuża. Min għandu d-dritt, min verament ma jiflaħax, għada se jkun l-ewwel baġit f’ħafna snin li se jkun immirat għalih” saħaq Joseph Muscat.
Il-Prim Ministru qal li tasal fejn tasal fil-ħajja qatt ma tista’ tinsa minn fejn tlaqt.
“Tliet snin u nofs ilu writna pajjiż b’rata ta’ qgħad qed tgħolla, kontiijet għolja, aktar taxxi, nisa li ma joħroġux jaħdmu, pajjiż li ta’ qabilna waqawh Serie B, iżda li illum huwa pajjiż tas-Serie A. Dan qed jgħiduh l-aġenziji Internazzjonali, mingħajr ma jħarsu lejn wiċċ ħadd”