Is-Sibt filgħodu, il-Parlament se jiftaħ mill-ġdid u b’hekk tibda l-erbatax-il leġiżlatura.
L-attivitajiet uffiċjali jibdew b’quddiesa fid-disgħa ta’ filgħodu fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt, ikkonċelebrata mill-Arċisqof ta’ Malta, Monsinjur Charles Scicluna.
Ikun għall-ħabta tal-għaxra u nofs ta’ filgħodu meta l-Membri Parlamentari li ġew eletti fl-elezzjoni ġenerali ta’ Marzu li għadda, jaslu fil-binja tal-Parlament.
Hemmhekk, l-Iskrivan tal-Kamra tar-Rappreżentanti jaqra l-Proklama tal-Ftuħ tal-Parlament u wara jaqra r-riżultat tal-elezzjoni ġenerali u anki r-riżultat tal-elezzjonijiet każwali.
Wara dan, issir l-elezzjoni tal-Ispeaker tal-Parlament. Il-Gvern se jkun qed jerġa’ jressaq isem Anġlu Farrugia, li jeħtieġ jikseb maġġoranza sempiċi fil-Parlament biex imexxi din l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż għat-tielet leġiżlatura konsekuttiva.
Wara dan, l-Ispeaker tal-Parlament jingħata l-ġurament tal-ħatra mill-Iskrivan tal-Kamra, Ray Scicluna, u wara ssir l-elezzjoni tad-Deputat Speaker. L-Oppożizzjoni Nazzjonalista nnominat lil David Agius għal din il-kariġa.
Il-pass li jmiss ikun li l-membri parlamentari eletti kollha jieħdu l-ġurament tal-ħatra.
Wara dan, il-President ta’ Malta, George Vella, jasal il-Parlament, fejn se jkun milħuq mill-Ispeaker u anki l-Iskrivan tal-Kamra tar-Rappreżentanti. Kif jidħol, Dr George Vella, jagħmel id-diskors tiegħu u hekk tingħalaq l-ewwel seduta Parlamentari tal-erbatax-il leġiżlatura.
Iċ-ċerimonja tal-ftuħ tal-Parlament wieħed se jkun jista’ jsegwiha b’mod dirett fuq One Television, li se jkun qed ixandar programm speċjali minn One News. Il-programm se jkun ippreżentant minn Samuel Lucas u jibda fit-tmienja u nofs ta’ filgħodu. Matul dan il-programm se jkun hemm diversi mistiedna u anki kollegamenti diretti mill-Belt Valletta.