Fil-kapitali tar-Renju Unit, Londra għaddejjin l-aħħar preparamenti għall-aħħar tislima statali lir-Reġina Eliżabetta t-Tieni, li kienet il-Kap tal-Monarkija għal sebgħin sena.
Il-funerali li se jseħħ it-Tnejn se jsegwi il-protokoll irjali, li beda hekk kif mietet ir-Reġina Eliżabetta t-Tieni fil-Kastell ta’ Balmoral fl-Iskożja.
Il-protokoll li se jkun segwit it-Tnejn huwa dan li ġej.
It-Tnejn fis-sebgħa u nofs ta’ filgħodu, ħin ta’ Malta. Jieqaf il-mument meta n-nies jistgħu jsellmu lir-Reġina fit-tebut f’Westminister Hall.
Għall-ħabta tad-disgħa ta’ filgħodu, f’Westminister Abbey jinfetħu l-bibien għal mistiedna, fejn mistenni jkun hemm diversi mexxejja minn madwar id-dinja, fosthom il-President ta’ Malta, George Vella.
Il-funeral se jibda għall-ħabta ta’ nofsinhar, ħin ta’ Malta.
Se jkun sittax-il minuta qabel jibda l-funeral, li t-tebut bir-Reġina Eliżabetta t-Tieni jitlaq minn Westminster Hall għal Westminister Hall.
Ritratt: BBC
Waqt din il-purċissjoni bit-tebut tar-Reġina se jintuża l-karru li ntuża fil-funeral tar-Re Ġorġ Sitta – missier ir-Reġina.
F’din il-purċissjoni għal Westminister Abbey se jkun hemm ir-Re Karlu Tlieta, flimkien mal-Prinċpijiet William u Harry.
Fit-tmiem tal-funeral se jkun hemm żewġ minuti ta’ silenzju u jindaqq l-innu nazzjonali.
Wara l-funeral, it-tebut tar-Reġina se jmur lejn il-Kastell ta’ Windsor u hemmhekk jidħol ġewwa l-Kappella ta’ San Ġorġ.
Se jkun għall-ħabta tat-tmienja u nofs ta’ filgħaxija, waqt servizz privat, meta t-tebut tar-Reġina se jindifen flimkien ma’ dak ta’ żewġha, il-Prinċep Filippu u missierha, ir-Re Ġorġ Sitta.
Ritratt: CNN